Maġġoranza ta' 17-il Deputat Nazzjonalista jridu lil Delia jitlaq

Maġġoranza ta' Deputati Nazzjonalisti vvutaw kontra Adrian Delia lbieraħ u talbuh jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu

Maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista (PN), li jinkludi wkoll lill-MEPs tal-PN, ivvutat biex Adrian Delia jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap tal-PN.  Dan hekk kif 17-il Deputat preżenti lbieraħ ivvutaw biex Delia jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala Kap, fid-dawl ta' stħarriġ li sar "u fl-interess tal-pajjiż u tal-partit."  L-istħarriġ tal-Mediatoday ippubblikat fuq il-gazzetta oħt Maltatoday juri lil Delia jikseb biss 13% tal-fiduċja, filwaqt li l-PM Robert Abela jikseb il-fiduċja ta' ftit aktar minn 62%. Dan huwa rekord ta' fiduċja baxxa għal Delia u għal kwalunkwe mexxej politiku kemm ilhom isiru s-sondaġġi.

Skont l-istħarriġ, kieku kellha ssir elezzjoni l-ġimgħa li għaddiet, il-PN kien jitlef b'distakk ta' 80,000 vot.

Erba' membri ma qabluxmas-17 u erba' oħra ma tkellmux. Ħames Deputati ma kinux preżenti, li jinkludu lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil. 

L-inkwiet li ilu għaddej ...

L-inkwiet fil-PN ilu jikber issa b'numru ta' Deputati li baqgħu qatt m'aċċettaw lil Delia. Pero l-ġlied intern kiber sew wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel test ta' Delia, liema test tilef b'42,656 vot. Delia kien spiċċa f'kontroversja hekk kif filmati privati tiegħu spiċċaw pubbliċi u wara separazzjoni b'botti fil-pubbliku mill-eks martu. 

Imdendlin fuq ras Delia baqgħu l-akkużi ta' Daphne Caruana Galizia dwar kont f'Jersey li minnu, allegatament, għaddew flus minn ċirku ta' prostituzzjoni f'Londra. Rapport fuq The Sunday Times kien jgħid illi l-FIAU kellha rapport li kien qed ikun investigat mill-pulizija dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront ta' Delia.

L-agħar mossa ta' Delia

L-agħar mossa politika ta' Delia u l-aktar waħda li qajmet furur kontrih fil-partit stess kien meta neħħa lill-eks Kap tal-PN Simon Busuttil minn Kelliem tal-Governanza, filwaqt li talbu jissosspendi lilu nnifsu mill-partit.  Dan kien għamlu wara li ħarġu l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant, liema konklużjonijiet ma sabux biżżejjed provi li jallaċċjaw lil din il-kumpanija ma' Michelle Muscat. 

Ħafna mill-Grupp Parlamentari kienu ddisasoċjaw lilhom infushom mid-deċiżjoni ta' Adrian Delia u qalu li dak li ġara ma sarx f'isimhom. 

Mhux l-ewwel darba, kien żvela dan is-sit, illi saru petizzjonijiet fost il-Grupp Parlamentari biex Delia jitneħħa minn Kaap tal-Oppożizzjoni.

Intant kmieni wara nofsinhar irriżenjat Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali u rriżenja minn Viċi Kap Robert Arrigo wkoll.

 

More in Politika