'Inħossni ttradut' - Jason Azzopardi dwar il-kummenti ta' Adrian Delia li mhux se jirriżenja

Azzopardi jgħid ċar u tond li l-maġġoranza tad-Deputati talbu lil Adrian Delia biex jirriżenja u minkejja li wiegħdhom li se jirrifletti fuq dak li qalulu, mal-midja ċaħad li se jirriżenja qabel l-elezzjoni

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħareġ fil-beraħ biex jisħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista ttradixxa lill-Grupp Parlamentari u dan wara l-laqgħa ta’ ħames sigħat li saret ilbieraħ filgħaxija.

Malli ntemmet il-laqgħa, Adrian Delia qal lill-midja li minkejja s-sondaġġ xokkanti li MaltaToday ippubblikat nhar il-Ħadd li għadda u li fih, il-Prim Ministru Robert Abela jidher qed jiġri bil-Kap tal-Oppożizzjoni, ma għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja li u li se jmexxi lill-Partit Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li ġejja.

Iżda, skont Jason Azzopardi, waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, Delia tkellem mod ieħor.

Fuq Facebook, Azzopardi saħaq li l-laqgħa kienet waħda kordjali fejn kulħadd ingħata ċ-ċans jesprimi ruħu. Qal li Delia wiegħdhom li se jirrifletti fuq dak li nqtal u li kien se jerġa’ jkellimhom.

“Inħossni użat u l-fiduċja tiegħi abbużata. Ħassejt li ħlejna l-ħin,” saħaq Azzopardi wara l-kummenti ta’ Delia. “Dan mhux ġust. Dan mhux sew.”

Saħaq li Delia kien messu kien aktar raġel u qalilhom minn qabel li kien iddeċieda li mhux se jirriżenja u mhux "uża" l-laqgħa. 

Insista li l-maġġoranza assoluta tad-Deputati qalulu biex jirriżenja iżda minflok semagħhom, Delia se jiġi jaqa’ u jqum mill-pożizzjonijiet tagħoom u minn kif tħossha dwaru l-maġġoranza assoluta tal-elettorat. 

More in Politika