Il-Gvern iħabbar proġett biex il-cruise liners jitfu l-magni fil-Port il-Kbir u minflok jaħdmu bl-elettriku

Studju, li kien sar fl-2015, kien żvela li f’ħin ta’ tmien sigħat, cruise liner iħammeġ l-arja daqs 300,000 karozza li tinstaq mill-Mellieħa sa Marsaxlokk

Il-Gvern ħabbar proġett ta’ €50 miljun ewro u li permezz tiegħu se jkun qed itejjeb il-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-port il-kbir billi l-cruise liners, meta jkunu rmonkati, jaħdmu permezz tal-elettriku u ma jkunx hemm għaliex jużaw il-magni.

Studju, li kien sar fl-2015, kien żvela li f’ħin ta’ tmien sigħat, cruise liner iħammeġ l-arja daqs 300,000 karozza li tinstaq mill-Mellieħa sa Marsaxlokk. 

Dan il-proġett, imlaqqam  Grand Harbour Clean Air Project, se jkun qed jinqasam f’żewġ fażijiet u mistenni jkun lest sal-aħħar tal-2023. 

L-ewwel fażi tal-proġett se tinkludi l-installazzjoni ta’ żewġ konvertituri tal-frekwenza, fosthom permezz ta’ 22 kilometru ta’ cables taħt l-art u taħt il-baħar. Hekk l-elettriku se jkun qed jasal mis-substation tal-Enemalta fil-Marsa sa Pinto Wharf, Deep Water Quay u Boiler Wharf.

Il-Ministru Ian Borg
Il-Ministru Ian Borg

It-tieni fażi tal-proġett se twassal l-elettriku lejn Laboratory Wharf u Ras Ħanżir  f’Raħal Ġdid biex ikun jista’ jintuża anke minn bastimenti iżgħar.

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, bis-saħħa ta’ dan il-proġett, it-tniġġis tal-arja fil-Port il-Kbir se jonqos drastikament, bil-cruise liners se jipproduċu 93% inqas dijossidu tan-nitroġenu, 92.6% inqas materja f’partikuli u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit.

Dan apparti li dijossidu tal-karbonju fil-Port il-Kbir se jonqos b’39.6%. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg saħaq li dan se jkun l-akbar proġett ambjentali fin-nofsinhar tal-pajjiż minn meta ngħalqet il-power station tal-Marsa.

“Madwar 49% tal-popolazzjoni tgħix fil-viċinanzi tal-Port il-Kbir,” saħaq il-Ministru waqt li insista li dan ifisser li mill-proġett se tibbenefika madwar nofs il-popolazzjoni.

Huwa qal li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex dan il-proġett igawdi wkoll minn fondi Ewropej. 

Fi kliemu, Malta se tkun it-tielet pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li se tkun qed tintroduċi dawn il-miżuri. 

More in Politika