Malta żżomm posta fl-ewwel post fil-ħarsien tad-drittijiet ta' persuni LGBTIQ

Il-Gvern saħaq li se jkompli jaħdem biex biex dawn id-drittijiet ċivili jissarfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum

Fir-rapport annwali maħruġ minn ILGA-Europe dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ għas-sena 2019, Malta żammet l-ewwel post f’dak li għandu x’jaqsam mal-qafas legali f’dan is-settur.

Fi stqarrija, il-Ministeru responsabbli mill-Ugwaljanza saħaq li l-Gvern se jkompli jaħdem biex dawn id-drittijiet ċivili jissarfu f’ugwaljanza sħiħa fil-ħajja ta’ kuljum. 

Il-Gvern saħaq ukoll li jinsab kommess li jimplimenta l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza LGBTIQ 2018-2022.

L-istqarrija fakkret li ż-żewġ liġijiet – l-Att dwar l-Ugwaljanza u l-Att dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza waslu fl-istadju tat-tieni qari u li dawn se jkomplu jsaħħu dan il-qafas legali.

“Ħidma oħra li qed titwettaq minn varji ministeri, fosthom fil-qasam tal-edukazzjoni, is-saħħa u l-anzjani b’appoġġ u f’kollaborazzjoni mas-SOGIGESC Unit, huma lkoll parti mill-isforzi kontinwi biex id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ jiġu mħarsa f’kull sfera u f’kull stadju tal-ħajja. Dan huwa proċess li jirrikjedi impenn fit-tul,” insistiet l-istqarrija. “Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li introduċiet miżuri li jħarsu d-drittijiet tal-persuni intersess. Filwaqt li se nkomplu naraw kif nistgħu ntejjbu l-appoġġ li l-familjari ta’ trabi u adolexxenti intersess jeħtieġu, se naraw ukoll li il-protezzjonijiet eżistenti jkomplu jiġu rispettati.”

More in Politika