Analiżi | Bejn in-nar u l-ilma. Deċiżjonijiet għaqlin imma li qed iweġġgħu

Bejn in-nar u ilma hija l-ekwivalenti ta' 'between a rock and a hard place' bl-Ingliż u tiddenota deċiżjonijiet diffiċli li l-effett tagħhom dejjem ikollu n-negattiv. Nagħtu ħarsa lejn id-deċiżjonijiet ta' Abela illi ħallewh bejn in-nar u ilma ...

Robert Abela issa ilu biżżejjed Prim Ministru u Mexxej Laburista biex jibdew jittieħdu l-ewwel konklużjonijiet dwaru u dwar id-direzzjoni illi fiha se jmur il-Gvern u l-Partit Laburista fiż-żmien li ġej, il-kwistjonijiet fejn se jkun b'saħħtu u s-sitwzzjonijiet fejn le. 

Il-Laburisti li vvutawlu għall-kontinwità ...

L-akbar problema ta' Abela hija l-aspettattiva ta' żewġ estremitajiet, aspettattivi illi hu ma tantx għen bil-lingwaġġ li addotta waqt il-kampanja elettorali għal Mexxej Laburista ġdid. 

Dawn iż-żewġ estremitajiet huma magħmulin l-ewwel nett minn; ħafna votanti Laburisti u li tradizzjonalment dejjem ivvotaw lill-Partit Laburista.  Hemm element fost dan is-settur ta' votanti illi, fl-aħħar mill-aħħar, għalihom ma sar xejn daqshekk ħażin taħt Muscat u li jemmnu illi l-bidla fit-tmexxija ma kinitx mixtieqa u kellha tkun biss, bidla fil-mexxej u ftit li xejn iktar.  Ħafna jemmnu li dak li ġara kien xi forma ta' tradiment jew inkella frott kampanja ta' gideb mill-midja u l-PN.

Għalhekk b'dan il-ħsieb, ħafna minn dan is-settur ta' votanti ppretenda li l-bidiliet ikunu minimi u l-kontinwità u l-legat ta' Muscat ikunu ggarantiti.  

Dan is-sentiment jeħtieġ ikun irrikonoxxut, anke jekk sa issa ma nafux eżatt kemm hu kbir jew żgħir. U tant jeżisti dan is-sentiment li waqt il-kampanja għal Mexxej ġdid Abela rikeb fuqu bi stqarrijiet irripetuti u ssottolineati dwar il-kontinwità. Fost dawn kien hemm tifħir lill-eks Kummissarju tal-Pulizija u stqarrija illi l-Kabinett kif kien taħt Muscat kien għamel tant suċċessi li kien ikun kontra l-interessi tal-istabbilità ta' pajjiżna kieku kellhom isiru tibdiliet, kif kien qed iwiegħed Chris Fearne. 

Biex jirkeb dan is-sentiment Abela, waqt Xarabank, saħansitra qal li hu mhux se jitlob apoloġija lill-familja Caruana Galizia, għax l-istat m'għamel xejn ħażin.

Kif nafu issa, il-Kummissarju rriżenja, Neville Gafà tneħħa mill-ewwel minn postu, fl-għażla taċ-Chief of Staff ma kienx hemm kontinwità, il-kabinett inqala' mill-qiegħ u Abela għadda ordni biex il-fjuri u x-xemgħat għal Daphne Caruana Galizia ma jitneħħewx minn ħoġor il-monument tal-Assedju l-Kbir. 

Dawn id-deċiżjonijiet dejqu lil bosta votanti Laburisti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett jinħass li Abela qed ikun wisq akkoljenti tax-xewqat tal-aktar nies li huma voċiferi kontra l-Gvern.  It-tieni nett ma ngħatatx l-impressjoni li jekk ikun PM hu, Abela fil-fatt se jwettaq dawn il-bidliet. 

F'daqqa waħda allura dan is-settur ta' votanti Laburisti sab lilu nnifsu jipprova jiddefendi dak li kien kontrih (pereżempju t-tneħħija tal-Kummissarju u l-iżbarazzar tal-monument). 

Justyne Caruana u Konrad Mizzi

It-twaqqif tal-kuntratti ta' Lou Bondi u Anton Attard taw xi ftit ta' soljev lil dan is-settur ta' votanti li ħadha xi ftit jew wisq ħażin ukoll li Justyne Caruana kienet imġiegħla tirriżenja minn Ministru. Wieħed minn dawk li wrew diżapprovazzjoni kien l-eks Ministru Laburista Għawdxi Lino Debono, pereżempju.

Anke jekk fil-fatt ma tantx kellha għażla Caruana b'imbarazzament ta' dik il-kwalità minn żewġha, xorta din ir-riżenja ma tantx niżlet tajjeb ma' bosta. 

Konrad Mizzi min-naħa l-oħra kien imneżża' minn kull kariga li kellu, primarjament Ministeru u saħansitra kuntratti li kellu mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA). 

Mizzi kien wieħed mill-mazzriet tal-Gvern, bil-ftuħ ta' kumpaniji fil-Panama, il-kuntratt tal-Power Station u l-kuntratt mal-VGH, tliet kwistjonijiet b'xi mod interrelatati u li wasslu għall-kritika qawwija, lokalment u fil-fora Ewropej, kontra Gvern Laburista ta' Muscat. 

Naturalment it-twaqqif tal-kuntratt mal-MTA kienet reazzjoni għall-fatt li dan kien żvelat.

Tajjeb jew ħażin, u hemm settur ta' Laburisti li probabbilment mhux żgħir lanqas, li jemmnu bis-sħiħ li kienet deċiżjoni tajba, l-imbuttatura 'l barra ta' Konrad Mizzi kienet interpretata mill-ġdid, minn bosta oħrajn, illi hija mossa li biha Abela 'paxxa' lin-Nazzjonalisti u rema Ministru "tajjeb".

... U l-moviment 'Daphne'

Min-naħa l-oħra, b'aġenda li tista' titqies bħala l-antiteżi tal-votanti li għadna kif semmejna, hemm dawk kollha li jattendu l-protesti, viġili u li jikkampanjaw attivament f'Repubblika u Occupy Justice. 

Ħafna minn dawn il-persuni ġejjin minn sfond Nazzjonalist, għalkemm mhux biss, u qed jesiġu li Abela jieħu azzjoni u jinvestigaw jew saħansitra jtella' l-Qorti lill-eks PM Joseph Muscat. 

Dan is-settur ta' votanti, li wera ruħu voċiferu imma mhux b'saħħtu biżżejjed elettoralment, mhux se jkun ikkalmat malajr hekk kif ħafna fost dawn jemmnu, kif jemmnu numru ta' nies oħrajn li ma jipprateċipawx fl-attivitajiet tagħhom, illi Muscat kien direttament - għax kien jaf bl-att qabel sar jew indirettament -  għax ħalla lil Keith Schembri b'wisq poter, implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Dan apparti l-fatt li kien Prim Ministru li taħtu sar il-kuntratt għal power station ġdida, dak ma' Vitals Global Healthcare u l-iskema tal-IIP, magħrufa bħala l-bejgħ tal-passaporti. 

Storikament, ħafna min-nies li ilhom jattendu l-protesti (jekk taqta' l-Moviment Graffitti) u aktar u aktar dawk li jindirizzawhom ġejjin minn sfond Nazzjonalista u minn sfond li dejjem kellu antipatija lejn il-Partit Laburista u b'mod speċjali l-mexxejja tiegħu. Hija ironika ħafna fil-fatt li f'waħda mill-akbar protesti li saru ġie msemmi kważi f'dawl pożittiv l-eks PM Dom Mintoff, avversarju qalil ta' Daphne Caruana Galizia, li minħabba inċidenti f'ħajjitha, baqgħet kważi tobogħdu.

Huwa improbabbli ħafna li Abela  jikseb appoġġ sinjifikanti minn dawn il-votanti, għalkemm bid-deċiżjonijiet li qed jieħu jaf jirbaħ ir-rispett. 

Irid iżomm il-paċi fil-Kabinett ...​

L-istorja politika riċenti wrietna, u għadha qed turina bħalissa fil-każ tal-Partit Nazzjonalista, illi partit mhux magħqud rari jingħata l-fiduċja tan-nies. 

Il-Gvern immexxi minn Alfred Sant waqa' minħabba ġlied intern, il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi għamel xhur jillapazza u ma jiħux voti fil-Parlament għax ma kellux maġġoranza sakemm tilifha, hekk kif id-Deputat Franco Debono kien ivvota kontra l-Baġit 2013 u allura, effettivament waqqa' l-Gvern. 

Illum il-PN huwa maqsum bejn il-maġġoranza li trid lil Delia u minoranza voċifera u b'saħħitha fil-partit li ma tridux. Din is-sitwazzjoni kienet ikkumplikata iktar minħabba t-telfiet kbar li sofra l-PN.

Abela jeħtieġ joqgħod attent illi filwaqt li jagħmel dak li hemm bżonn biex jaċċerta d-dixxiplina fost il-membri tal-Kabinett u li jittieħdu passi għal titjib fil-governanza tal-pajjiż, fl-istess ħin ma joħloqx sens ta' diżappunt u qrusa fil-Grupp Parlamentari.  

Semmejna lil Konrad Mizzi. Inkwantu minn kemm tista' tkun tajba d-deċiżjoni li jitwaqqa' kuntratt tal-MTA ma' Mizzi, Abela issa għandu backbencher diżilluż u ffrustrat.

Bilqiegħda ħdejh fuq il-backbench se jkun hemm Chris Cardona, li qal illi hu ma riedx Ministeru minkejja diċeriji li m'aċċettax Ministeru li tah Abela u Joe Mizzi li flimkien ma' dawk li jappoġġjawh, ma kienx kuntent li tħalla barra. 

Dawn, flimkien ma' xi żewġ Deputati li kienu u baqgħu barra l-kabinett ipoġġu ħdejn l-eks PM u Mexxej Laburista Joseph Muscat. 

Din hija taħlita li tista' tkun perikoluża għal Abela jekk ma jiħux ħsieb id-dwejjaq, bżonnijiet, aspettattivi u ambizzjonijiet ta' kull wieħed minn dawn. 

Kull involviment ta' wieħed minn dawn iqajjem id-dubji u l-kontroversji, kif rajna din il-ġimgħa mhux biss fil-każ ta' Konrad Mizzi imma wkoll ta' Muscat li kien preżenti f'laqgħa bejn Steward Healthcare u l-PM Robert Abela. 

Dan qed jagħmel ħajjet Abela xi ftit jew wisq diffiċli. Bl-Ingliż jingħad, 'damned if he does doesn’t', bħal sikkina li taqta' miż-żewġ naħat. 

Elettoralment l-ekonomija tibqa' l-aktar importanti​

Minkejja dak kollu li analizzajna hawnhekk l-ekonomija tibqa' l-fattur determinanti għall-fortuni politiċi ta' Abela. 

Fl-aħħar snin kien ċar illi l-governanza, minkejja illi kienet kruċjali għall-awtorità morali tal-Gvern ma affettwatx elezzjonijiet, la tal-2017 u lanqas tal-2019, li saret wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u meta l-allegazzjonijiet madwar il-Panama Papers kienu diġà mmaturaw sew. 

L-ekonomija u magħha miżuri li jħallu aktar flus fil-but; bħaċ-child care, kontijiet irħas, first u second time buyers kif ukoll kundizzjonijiet favorevoli biex l-industrija tal-kostruzzjoni u proprjetà tkompli timraħ - kienet il-miżura ewlenija li żammet lil Muscat popolari. 

Meta tasal l-elezzjoni, il-fatt li Abela jkun neħħa n-nies, daħħal id-dixxiplina u ħa deċiżjonijiet tajbin biex itejjeb it-trasparenza u l-kontabbilità jistgħu biss jgħinu biex ikabbru distakk li huwa sostnut bl-ekonomija, il-flus fil-but u biex inżidu oħra, sistema effiċjenti ta' klijenteliżmu.

More in Politika