Robert Abela jiġri b'Delia fl-ewwel sondaġġ minn meta sar Prim Ministru

Robert Abela kiseb l-ogħla rata ta' fiduċja li qatt kiseb mexxej politiku fis-sondaġġi

Għadu jsir Prim Ministru iżda Robert Abela spara ‘l fuq fl-ewwel sondaġġ li sar mill-gazzetta oħt MaltaToday minn meta daħal f’Kastilja.

Fil-fatt, Robert Abela kiseb l-ogħla fiduċja li qatt kiseb mexxej politiku f’dan is-survey.

Abela huwa fdat minn 62.5% tal-Maltin u dan ma jawgura tajjeb xejn għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jgawdi biss l-fiduċja ta’ 13.5% tal-elettorat.

Wara xhur ta’ taqlib politiku, flok tela’ ‘l fuq, Adrian Delia niżel ‘l isfel tant li l-persentaġġ tiegħu huwa l-inqas li dan qatt kiseb fl-aħħar sentejn.

Ifisser ukoll li d-differenza bejn Robert Abela u Adrian Delia hija ta’ 49%.

Interessanti wkoll kif Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 22.5% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017, jiġifieri 10% biss inqas minn Adrian Delia.

Fost dawk li għandhom bejn it-18 u l-35 sena, Abela jgawdi l-fiduċja ta’ 64.6% u Delia ta’ 9.4% biss.

Jidher ukoll li l-Partit Laburista reġa’ qam fuq saqajh u dan hekk kif l-istess sondaġġ wera kif dan għandu l-appoġġ ta’ 49.2% tal-elettoral. 

Dan ifisser tmien punti perċentwali aktar mill-aħħar sondaġġ li sar f’Diċembru li għadda.

Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu l-appoġġ ta’ 23.8% tal-elettoral. Flok żied, il-PN naqqas u dan għax fl-aħħar sondaġġ ta’ Diċembru li għadda, il-PN kien kiseb appoġġ ta’ 29.5%.

More in Politika