Repubblika tinsisti li l-Ministru Bonnici għandu jirriżenja jew jitkeċċa

Alessandra Dee Crespo saħqet li l-Ministru għall-Edukazzjoni ma jista' qatt jagħti eżempju tajjeb lill-istudenti meta nstab ħati li kiser id-drittijiet tal-bniedem

Ritratt: James Bianchi
Ritratt: James Bianchi

L-organizzazzjoni Repubblika ħeġġet mill-ġdid lill-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici biex jirriżenja u dan wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li bit-tneħħija kontinwa tal-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Gvern kien qed jikser id-drittijiet fundamentarli tal-attivisti.

Dak iż-żmien, Bonnici kien Ministru responsabbli mill-kultura u allura taħtu kien jaqa’ l-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru ta’ Bonnici, fil-Furjana, il-kelliema tal-organizzazzjoni Alessandra Dee Crespo staqsiet x’eżempju jista’ jagħti l-Ministru għall-Edukazzjoni lill-istudenti wara dak li ddikjarat il-Qorti.

“Qed jgħidilhom li huwa aċċettabbli li tikser id-drittijiet umani?” staqsiet Dee Crespo.

Id-deċiżjoni tal-Qorti ttieħdet nhar il-Ħamis li għadda u dan wara l-Każ Kostituzzjonali li kien fetaħ Manuel Delia.

Dee Crespo, waqt il-konferenza saħqet li jekk il-Ministru ma jirriżenjax minn jheddu, il-Prim Ministru Robert Abela għandu jkeċċih.

“Jekk il-Prim Ministru ma jitlobx ir-riżenja ta’ Bonnici, allura jkun qed jibgħat messaġġ li ma fiha xejn ħażin li l-ministri jiksru d-drittijiet umani,” kompliet l-attivista. 

Bonnici, fl-ewwel reazzjonijiet tiegħu, ma kien wera l-ebda intenzjoni li jirriżenja u saħaq li dak li għamel kien fl-interess tal-għaqda nazzjonali. 

Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tal-Prim Ministru l-ġdid kienet li l-mafkar ta’ Caruana Galizia ma jkunx imnaddaf aktar. Kien dan is-sit li żvela din id-deċiżjoni. 

More in Politika