Il-PN għandu jbiddel ismu? L-ILLUM tistaqsi fil-Partit u lil hinn minnu

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ eks Ministri, eks uffiċjali, kandidati u esponenti tal-PN u anke opinjonisti dwar l-isem il-ġdid li qed ikun propost għall-Partit Nazzjonalista u x’jaħsbu li għandha tkun l-akbar riforma fil-Partit Nazzjonalista

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gazzetta ILLUM żvelat li l-eks Ministru Nazzjonalista, responsabbli mir-riforma fil-Partit Nazzjonalista, qiegħed jipproponi bidla fl-isem tal-Partit Nazzjonalista biex jibda jissejjaħ: “Partit Nazzjonali tal-Poplu.”

Kif kien mistenni, din l-aħbar qajmet diskussjoni sħiħa fost l-attivisti u l-partitarji tal-Partit Nazzjonalista, b’diversi jkunu dawk li marru fuq il-midja soċjali biex jisħqu li ma jaqblux u oħrajn biex jinsistu li biex il-PN isir verament “il-Partit Nazzjonali tal-Poplu” jeħtieġ li jattira lejh uċuħ ġodda u aktar żgħażagħ.

Wara ġimgħa ta’ diskussjoni, il-gazzetta ILLUM għamlet kuntatt ma’ kandidati u esponenti tal-Partit Nazzjonalista u anke opinjonisti biex tistaqsihom dwar x’jaħsbu dwar din il-proposta, x’għandha tkun l-akbar bidla fil-Partit Nazzjonalista u jekk kwalunkwe riforma tistax tħalli l-effett meħtieġ b’Adrian Delia Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Frank Portelli
Frank Portelli

‘Ħadd mhu se jivvota lill-PN għax ibiddel ismu’ 

L-eks President tal-Partit Nazzjonalista u eks kandidat għall-Kap Nazzjonalista, Frank Portelli, saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-proposta biex jinbidel l-isem tal-Partit hija biss waħda kożmetika u li fi kliemu “ma tbiddel xejn.”

“Ħadd mhu se jivvota lill-Partit Nazzjonalista għax biddel ismu,” saħaq Portelli waqt li insista li biex dan iseħħ l-affarijiet iridu jinbidlu b’mod serju.

Insista li r-riforma fil-Partit Nazzjonalista trid twassal biex dan jerġa’ jibda joffri tama fi żmien meta fi kliemu, il-poplu, inkluż il-Laburisti “huma mxebbgħa.”

Huwa għamel referenza għall-fatt li l-eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed ikun investigat dwar “omiċidju” u anke dwar l-aħbar li faqqgħet din il-ġimgħa, jiġifieri li Konrad Mizzi, ħmistax wara li rriżenja minn Ministru għat-Turiżmu, ingħata kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’paga ta’ €6,700 fix-xahar. 

“Il-PN irid joffri lill-poplu ideat ġodda, onestà u integrità” insista Portelli. “In-nies iridu jaraw futur sabiħ quddiemhom.”

Iżda l-mistoqsija tiġi waħedha. Jista’ l-Partit Nazzjonalista joffri dan li qed jgħidu Portelli, sakemm Adrian Delia jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u fuq rasu jibqgħu mdendla l-allegazzjonijiet li ppubblikar dwaru Daphne Caruana Galizia?

Lil Frank Portelli dan ma tantx jinkwetah. Fi kliemu, dan kollu huwa riżultat ta’ “hate blogging.”

“Il-każ huwa magħluq. Il-Metropolitan Police ma sabu xejn kontra Adrian Delia. Ma sabu xejn biex setgħu jieħdu passi,” insista Frank Portelli waqt li tenna dak li jisħaq dwaru kull darba li tkellem ma’ din il-gazzetta, jiġifieri li Adrian Delia kien elett bil-voti tal-kunsilliera u wara, għall-ewwel darba, tat-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

Edward Debono
Edward Debono

‘L-isem ma għandux jinbidel ... il-Partit Nazzjonalista dejjem kien hemm għall-pajjiż’

L-Avukat u l-opinjonista Edward Debono stqarr ċar u tond mal-ILLUM li l-isem Partit Nazzjonalista ma għandux jinbidel għax fi kliemu, il-Partit Nazzjonalista fl-istorja twila tiegħu dejjem kien preżenti u importanti għall-iżvilupp Kostituzzjonali tal-pajjiż.

Kompla jisħaq li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien preżenti fl-aktar mumenti kruċjali u importanti u fost oħrajn semma l-kisba tal-Indipendenza u s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.

“Il-Partit Nazzjonalista tista’ tgħid li minn dejjem kien preżenti biex ikun it-tarka, l-ewwel kontra l-opressur Ingliż u anke konta min ried iċaħħad lill-pajjiż mill-iżvilupp soċjo-ekonomiku,” insista Debono.

Mistoqsi x’jaħseb li għandha tkun l-akbar riforma fil-Partit Nazzjonalista bħalissa, l-Avukat Debono tkellem dwar il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jiġbed lejh aktar żgħażagħ u persuni oħra involuti fis-soċjal.

“Ħadd mhu għar-rimi,” insista l-Avukat Debono. Kompla jisħaq li fil-Partit Nazzjonalista għandha tħossha komda l-aktar persuna liberali sal-aktar konservattiva u dawk kollha li t-twemmin politiku tagħhom jaqa’ fil-moderat bejn ix-xellug u l-lemin.

Iżda Debono jaħseb li riforma jista’ qatt ikollha effett b’Adrian Delia fit-tmun? “Fil-Partit Nazzjonalista kulħadd għandu post u kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità,” wieġeb l-Avukat.

Insista li f’dan iż-żmien kulħadd għandu “jieħu nota” ta’ dak li qed joħroġ fid-deher. Fi kliemu xejn ma jseħħ għalxejn u “ma tista’ qatt tmur kontra l-volontà tan-nies.”

“In-nies xebgħu mill-korruzzjoni. In-nies qed jirreaġixxu,” kompla jwieġeb l-Avukat Debono.

Ann Fenech
Ann Fenech

‘Il-Partit Nazzjonalista għandu storja u ismu hekk għandu jibqa’

L-eks President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech ukoll ma taqbilx li l-Partit Nazzjonalista jbiddel ismu.

“Il-Partit Nazzjonalista għandu storja u ismu hekk għandu jibqa’,” saħqet Fenech.

Mistoqsija dwar x’taħseb li għandha tkun l-akbar riforma fil-Partit Nazzjonalista, Ann Fenech insistiet li hi ma għadhiex involuta fl-ebda struttura tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk, ġaladarba ma tafx x’diskussjonijiet qed isiru, saħqet li jkun prematur jekk tikkummenta dwar dan.

Michael Falzon
Michael Falzon

‘Il-bidla fl-isem trid tkun parti minn bidla sħiħa u strateġika’

L-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon ma ddejqux l-idea li l-Partit Nazzjonalista jbiddel ismu, madanakollu saħaq li din trid tkun parti minn eżerċizzju akbar ta’ rebranding u parti minn “bidla sħiħa u strateġika.”

Fakkar li fl-ewwel xhur tiegħu bħala Mexxej Laburista, Joseph Muscat irnexxielu jagħmel dan fil-Partit Laburista.

Mistoqsi jekk il-bidla fl-isem tfissirx li l-PN ikun qed jarmi l-istorja tiegħu, Michael Falzon saħaq li l-istorja mhijiex marbuta mal-isem u lanqas ma jħares lejha bħala xi bidla kbira.

Dwar x’jaħseb li għandha tkun l-akbar riforma u bidla fil-Partit Nazzjonalista, Falzon insista li l-partit jeħtieġ jaċċetta li għamel l-iżbalji u jilqa’ “mhux b’suppervja” lil dawk li telquh biex jivvotaw lill-Moviment Laburista. 

Fi kliemu, ma’ dawn in-nies, il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jkun aktar “sinċier.”

L-ILLUM staqsietu l-istess mistoqsija li staqsiet lil kulħadd, jiġifieri jekk il-PN jistax jimxi ’l quddiem b’Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

“Hu żgur li jista’ jimxi ’l quddiem,” wieġeb Falzon. “Qatt ma fhimt dan id-dell fuq Adrian Delia,” kompla jisħaq waqt li insista li Delia kien qed jagħti biss servizz lill-klijent tiegħu u ma għamel xejn biex jikser il-liġi.

George Vital Zammit
George Vital Zammit

‘L-isem huwa l-inqas problema li għandu l-PN bħalissa’

Il-Professur tal-Università u l-akkademiku George Vital Zammit saħaq mal-ILLUM li l-isem tal-Partit Nazzjonalista huwa l-inqas problema li għandu l-Partit bħalissa, apparti li l-istess isem għandu appartenenza fl-istorja tiegħu u anke tal-pajjiż.

“Ma narax li b’xi mod se jbiddel xi ħaġa mis-sitwazzjoni preżenti,” insista l-Professur. “Żgur li dak ma għandux ikun il-punt tat-tluq.”

Anke jekk bħalma qalu Deputati mal-ILLUM, l-isem jew il-kulur iswed fl-arma jistgħu jkunu interpretati ħażin barra minn xtutna, kollox għandu sfond storiku u jekk dawn jinbidlu, il-PN ma jkun qed jindirizza xejn.

Kien hawn li saħaq li r-riforma li l-Partit Nazzjonalista għandha ssir fuq iż-żewġ binarji importanti, jiġifieri dak amministrattiv u finanzjarju u anke dak politiku.

Insista li l-ewwel u qabel kollox, il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jaħdem biex isaħħaħ l-aspett amministrattiv u finanzjarju tiegħu waqt li insista li d-dejn huwa kważi kważi “mazra ma’ għonq il-Partit Nazzjonalista.”

Madanakollu kompla jisħaq li din mhijex l-uniku problema li għandu l-Partit Nazzjonalista. “Kieku kien partit midjun u rebbieħ fiha u ma fihjiex. Imma l-Partit Nazzjonalista huwa midjun u tellief,” insista l-Professur u għalhekk insista li jeħtieġ riforma serja fuq l-aspett politiku tal-pajjiż, mhux biss fuq policies iżda anke jrid isib it-triq ta’ kif se jiffunzjona bħala partit magħqud.

Insista li l-Partit Nazzjonalista, forsi għall-kuntrarju tal-Partit Laburista, dejjem kien partit li fih kien hemm idea kif ukoll ilħna differenti u forsi dan jirrifletti wkoll l-aspett demokratiku li huwa parti mill-identità tiegħu. 

“Il-PL huwa differenti f’dan is-sens. Il-core vote tal-PL (jiġifieri dawk li dejjem jivvotaw lill-PL) huwa akbar minn dak tal-PN. L-elettorat tal-PL huwa aktar leali lejn il-mexxej, il-partit u anke l-midja tiegħu,” kompla jispjega Vital Zammit.

Anke jekk il-PN dejjem kien differenti mill-PL minn dan l-aspett, il-Professur insista li l-partit jeħtieġ jaġixxi bħala partit magħqud.

“Hemm ħitan li għadhom ma twaqqgħux. Nies li mhux qed jiġbdu ħabel wieħed,” insista l-Professur. 

Insista wkoll li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jilqa’ fih ukoll demm ġdid. Kien hawn li ssemmiet ir-riżenja ta’ Mark Anthony Sammut minn President tal-Eżekuttiv tal-PN, riżenja li l-Professur iddeskrivieha bħala “telfa” għall-Partit.

Ikkritika wkoll il-fatt li apparti l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista twaqqfet fergħa oħra taż-żgħażagħ “Team Start.”

Għaliex tkompli tifframmenta lill-Partit?” staqsa l-Professur.

Temm jisħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares ħarsa ġewwiena biex jifhem kif se jibda jikseb il-kunsens fuq livell nazzjonali. 

Kurt Sansone
Kurt Sansone

‘L-isem għandu jkun ispirat mill-valuri u d-direzzjoni politika li jrid jimxi fiha l-PN’

L-eks editur tal-gazzetta ILLUM u l-editur online tal-MaltaToday, Kurt Sansone saħaq li ma jarax problema li partit politiku jibdel ismu. Spjega kif bidla fl-isem tista’ tkun att simboliku f’qafas iktar wiesa’ ta’ aġġornament politiku u strutturali. Madanakollu, kompla Sansone: “l-isem għandu jkun ispirat mill-valuri u d-direzzjoni politika li jrid jimxi fiha l-PN. Huwa l-aġġornament tal-ħsibijiet politiċi li għandu jindika x’isem irid jaddotta l-PN u mhux bil-kontra.” Kien għalhekk li saħaq li l-isem Partit Nazzjonali tal-Poplu jista’ jkun kompromess tajjeb. 

Mistoqsi x’għandha tkun l-akbar bidla li għandu bżonn bħalissa l-Partit Nazzjonalista, Kurt Sansone beda biex jisħaq li l-PN għandu kriżi ta’ identità li ilha ġejja miż-żmien meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea. 

“Jeħtieġ li l-membri tal-PN iwieġbu l-mistoqsija xi tfisser tkun Nazzjonalist illum. Għaliex persuna għandha tissieħeb u tappoġġja l-politika tal-PN?” insista l-ġurnalist.

Insista li fl-aħħar snin, il-PN ħa direzzjonijiet li jikkontradixxu dak li xi darba kien jemmen fih. Qal li l-PN kien il-Partit li jemmen fid-dritt li persuna tagħmel l-għażliet tagħha b’mod ħieles, iżda mbagħad il-pożizzjonijiet tiegħu, f’dawn l-aħħar snin, fuq drittijiet ċivili bħad-divorzju u l-unjoni ċivili, tbiegħdu minn dan it-twemmin. 

Iżda ma waqafx hawn. Insista li l-PN kien jemmen fl-intrapriża privata u l-privatizzazzjoni iżda ħadha qatta’ bla ħabel kontra dawn il-proċessi fil-qasam tal-enerġija u s-saħħa, fejn ma kkritikax biss il-korruzzjoni iżda l-prinċipju nnifsu.

“Il-PN kien partit li jemmen fil-ftuħ bil-liberalizzazzjoni, is-sħubija ta’ Malta fl-UE, imma li donnu llum qed jistkerrah lill-barranin li qed jaħdmu fostna,” saħaq Sansone. 

Bħal kważi kull persuna li tkellmet magħna, Sansone insista li l-PN jeħtieġ isolvi dawn il-kontradizzjonijiet u għalhekk il-ħtieġa li jinfetaħ għal ġenerazzjonijiet żgħar u jisma’ x’għandhom xi jgħidu.

L-ILLUM staqsietu jekk kwakunkwe riforma hux se tintefa’ fid-dell sakemm Adrian Delia jibqa’ Kap Nazzjonalista. Sansone ma tantx dar mal-lewża. “Il-figura ta’ Adrian Delia tibqa’ kif jgħidu bl-Ingliż, the elephant in the room. Sfortutatament, Delia ma ħallix it-timbru tiegħu fuq il-partit,” insista Sansone. Kien għalhekk li insista li “riforma mingħajr kaptan konvint ma tirnexxix.” Iżda, saħaq ukoll li dan ma jfissirx li jekk jinbidel Delia, ir-rota se tibda ddur.

“Il-problema ta’ partit politiku kbir f’kuntest duopolistiku Malti hi li jeħtieġ jiġbed lejh firxa wiesgħa ta’ nies u biex jagħmel dan irid ikollu mhux biss mexxej tajjeb iżda anke jrid jassigura li dak li qed jipprova jbiegħ ma jkunx imnawwar iżda jappella għan-nies.

“Il-PN għandu bżonn riformi fl-istrutturi tiegħu u fil-politika tiegħu, l-ewwel u qabel kollox. Fl-istess ħin għandu bżonn kap li kapaċi jġib flimkien in-nies biex jaħdmu għall-istess għan u ideal,” insista Sansone. “Delia jista’ ma jkunx il-persuna ideali biex imexxi din il-bidla. Il-problema hi li nħela wisq żmien u bl-elezzjoni biss sentejn ’il bogħod mhux mument tajjeb biex tibdel il-kaptan.”

‘Il-bidliet fil-Partit Nazzjonalista ma jistgħux ikunu kożmetiċi’

Il-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri ma jaqbilx li jinbidel l-isem tal-Partit Nazzjonalista u mal-ILLUM insista li l-bidliet fil-Partit Nazzjonalista ma jistgħux ikunu bidliet kożmetiċi bħal bdil fl-isem jew fl-emblema, imma jridu jkunu bidliet li verament jagħtu dehra ġdida lill-Partit “fil-mod kif jippreżenta ruħu u fil-mod kif jersaq aktar lejn l-aspirazzjonijiet tal-poplu.”

Għalhekk, ikompli Schembri, din il-bidla għandha ġġib magħha “bidla fil-mentalità.”

Dwar x’jaħseb li għandha tkun l-akbar bidla fil-Partit Nazzjonalista, Schembri saħaq li l-PN irid jaspira lill-poplu u dan billi l-ewwel u qabel kollox ikun aktar pożittiv fil-mod kif jersaq lejn in-nies.

“Nemmen li wasal iż-żmien li jkollna Partit aktar żagħugħ. Għalhekk wasal iż-żmien li fih il-PN verament jibda jaħdem fuq grupp ta’ kandidati żgħażagħ u oħrajn ġodda biex ikunu huma l-wiċċ tiegħu fl-elezzjoni li jmiss,” insista Schembri. “Il-poplu jidher li ilu jistenna PN differenti fl-aħħar żewġ elezzjonijiet ġenerali.”

Appella biex il-kandidati validi li għandu l-PN jibdew jingħataw aktar opportunitajiet biex jaħdmu ma’ Deputati veterani.

“Taħt Delia tista’ ssir riforma serja?” staqsiet l-ILLUM lil Schembri fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru u li għadhom imdendla fuq rasu.

“Adrian Delia dejjem wieġeb kull mistoqsija,” weġibna. Insista li din mhijiex il-kwistjoni ewlenija. Saħaq li r-riforma bdiet fi żmien Simon Busuttil u mhux se tieqaf ma’ Adrian Delia.

“Il-PN irid jibqa’ jevolvi u jirriforma sakemm ikun lest li jiggverna u allura sakemm ikollu l-maġġoranza warajh,” insista l-kunsillier.

Jerome Caruana Cilia
Jerome Caruana Cilia

‘Id-diskussjoni dwar il-bidla fl-isem hija sekondarja’

Il-kunsillier u x-xandar ta’ NET FM Jerome Caruana Cilia saħaq li jaqbel li jkun hemm branding tal-Partit Nazzjonalista, madanakollu insista li d-diskussjoni dwar il-bidla fl-isem, filwaqt li għandha ssir, hija kwistjoni sekondarja.

Fi kliemu, id-diskussjoni li għandha ssir u li hija aktar importanti hija bbażata fuq tliet pilastri. Saħaq li l-ewwel u qabel kollox, il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jistaqsi lilu nnifsu x’inhi l-viżjoni tiegħu u fejn irid li jieħu l-pajjiż.

Insista li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu viżjoni, kellu dik demokratika, dik favur il-libertàekonomika u anke l-viżjoni li jara lil Malta fl-Unjoni Ewropea. “X’inhu l-pass li jmiss?” staqsa Caruana Cilia. Insista li din id-diskussjoni jrid jagħmilha mal-istakeholders kollha, mhux biss fil-partit iżda ma’ kulħadd, inkluż ma’ dawk li mhux bilfors iħossu rabta mal-PN.

It-tieni nett, il-Partit Nazzjonalista jrid jattira lejh aktar uċuħ ġodda, żgħażagħ u persuni li l-idea tagħhom jitħalltu ma’ dawk li għandhom l-esperjenza.

“Din it-taħlita hija bżonjuża fl-istruttura tal-Partit Nazzjonalista,” insista Caruana Cilia, inkluż fil-Grupp Parlamentari.

Fl-aħħar nett appella biex il-PN iżomm kuntatt man-nies u jżur id-djar tagħhom, fejn fi kliemu, in-nies se jitkellmu. “Trid tisma’, tifhem, tixtarr u tieħu azzjoni,” insista l-kunsillier.

Mistoqsi jekk din ir-riforma tistax issir taħt Delia, Caruana Cilia wieġeb fil-pożittiv, anzi saħaq li “għandha tiġi implimentata issa.”

Fi kliemu, din ir-riforma trid tagħti spinta lill-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

X’qal Louis Galea dwar ir-riforma fil-Partit Nazzjonalisa?

Jumejn wara li l-gazzetta ILLUM żvelat l-isem il-ġdid li qiegħed jipproponi Louis Galea għall-Partit Nazzjonalista, l-eks Ministru ħareġ stqarrija li fiha prattikament ikkonferma l-aħbar anke jekk insista li r-riforma meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista hija ħafna akbar mill-bidla fl-isem.

Kif żvelat din l-istess gazzetta, Galea saħaq li qiegħed jipproponi proposti “sostanzjali,” tant li fi kliemu stess, jekk dawn jiġu aċċettati u implimentati “nħossni fiduċjuż li jagħtu ħajja ġdida lill-Partit.”

Fil-fatt, wara diskussjoni wiesgħa, Galea ħabbar li qiegħed jipproponi abbozz li jaġġorna lill-Partit Nazzjonalista.

“Numru sew mis-suġġerimenti tal-MPs ġew inkorporati fil-proposti. Issa jmiss li d-diskussjoni tgħaddi fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv, imbagħad fl-Assembleji tal-Kunsilliera, biex wara tiġi deċiża fil-Kunsill Ġenerali,” spjega Galea.

Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew, Galea kellu tliet laqgħat mad-Deputati kollha tal-Partit Nazzjonalista li matulhom ippreżenta u ddiskuta l-proposti li qiegħed jagħmel.

More in Politika