Il-Gvern mhux se jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti dwar it-tindif tal-mafkar ta' Caruana Galizia

Fi stqarrija nqtal li d-deċiżjoni ttieħdet b’konsistenza mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza mhux se jkun qed jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li ddikjarat li bit-tneħħija kontinwa tal-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-Monument tal-Assedju, il-Gvern kien qed jikser id-drittijiet fundamentali ta’ Manuel Delia, li fetaħ il-każ.

Fi stqarrija, il-Ministeru saħaq li wara konsultazzjoni mal-Prim Ministru u mal-Avukat tal-Istat, ittieħdet id-deċiżjoni li l-Gvern ma jappellax.

“Id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jappellax mis-sentenza qed issir b’konsistenza mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela dwar dan il-każ,” saħqet l-istqarrija. 

Kien is-sit illum.com.mt li żvela li bħala sinjal ta’ konċiljazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela kien talab li x-xemgħat u l-fjuri ma jinteħħewx aktar minn fuq il-Monument.

Delia kien fetaħ dan il-każ kontra l-Ministru ta’ dak iż-żmien, Owen Bonnici u wara li dan inqata’ favurih, issa qed jitlob għar-riżenja tal-istess Ministru li llum huwa responsabbli mill-edukazzjoni u x-xogħol.

More in Politika