Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji tappella lill-PM biex il-governanza t-tajba tkun il-prijorità tiegħu

Il-Prim Ministru jisħaq li l-pajjiż ma għandux idum biex jirkupra r-reputazzjoni u insista li rċieva messaġġi pożittivi mill-UE fuq deċiżjonijiet li ħa l-Gvern fl-aħħar jiem

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħeġġet lill-Prim Ministru Robert Abela biex il-governanza t-tajba tkun prijorità tiegħu u tal-Gvern.

Il-President tal-Kamra, Paul Abela, saħaq li n-negozji kollha jridu li l-affarijiet f’Malta jsiru kif għandhom isir.

Huwa qal dan waqt żjara li l-Prim Ministru għamel lill-uffiċċini tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji.

Waqt iż-żjara, Abela qal lill-Prim Ministru li n-negozji qed jittammaw li din is-sena jibdew igawdu l-frott anke mix-xogħlijiet infrastrutturali li saru fit-toroq.

Tkellem ukoll dwar il-burokrazija tal-banek u kif din taffettwa lin-negozju u anke l-importanza li l-Gvern jippjana futur sostenibbli.

“Kull ma rridu huwa li l-affarijiet isiru kif għandhom isiru ... dik hija l-governanza t-tajba,” saħaq il-President tal-Kamra. “L-istrutturi kollha neċessarji għall-governanza hemm qegħdin ... allura la qegħdin hemm, ma hemm għaliex indumu biex nerġgħu naqbdu t-triq.”

Abela insista li l-istabbilità politika hija importanti ħafna għan-negozji waqt li insista li huwa ċar li l-Prim Ministru qed jieħu u għadu ffaċċjat b’deċiżjonijiet diffiċli.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li huwa konxju li r-reputazzjoni hija importanti kemm għall-investituri barranin iżda anke għal dawk lokali.

Qal li rċieva messaġġi pożittivi fuq livell tal-Unjoni Ewropea dwar id-deċiżjonijiet li l-Gvern ħa fl-aħħar jiem.

“Ma għandnix indumu biex nerġgħu nsaħħu r-reputazzjoni,” qal il-Prim Ministru. “Malli nagħmlu dan, nibqgħu ffukati fuq l-ekonomija u biex intejbu l-ħajja tan-nies.”

More in Politika