Manuel Delia jirbaħ il-Każ Kostituzzjonali kontra l-Ministru Bonnici; Iħeġġu jirriżenja

Il-Qorti tappella biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir ikun irrispettat u kemm jista' jkun ma jitwaħlux affarijiet miegħu

Manuel Delia rebaħ każ kostituzzjonali li kien fetaħ kontra l-Gvern, partikolarment kontra l-Ministru Owen Bonnici (dak iż-żmien responsabbli mill-Ġustizzja u l-Kultura) dwar it-tneħħija tal-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir li nbidel ukoll f’mafkar ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon saħaq li t-tindif kontinwu tal-fjuri u x-xemgħat kien qed jikser id-dritt ta’ Manuel Delia għal-libertà tal-espressjoni.

Il-fjuri u x-xemgħat bdew jitpoġġew mit-18 ta’ Ottubru tal-2017, jumejn wara li seħħ l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Għal xhur sħaħ, ħaddiema mid-dipartiment tat-tindif kienu qed inaddfu l-monument u jneħħu kemm il-fjuri, ix-xemgħat u anke r-ritratti tal-ġurnalista u l-messaġġi li kienu jitħallew mill-attivisti.

Fil-Qorti kien instema’ li kien il-Ministru Owen Bonnici stess li kien jordna dan.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, responsabbli mill-indafa pubblika, kien qal lill-Qorti li l-Ministru Bonnici kien talbu jassigura li l-mument jitnaddaf f’Settembru tal-2018 u dan għax kienu se jirrestawrar l-istess monument nazzjonali.

Kien qal ukoll li sar jaf li l-monument tnaddaf madwar 20 darba minn fuq il-midja u qatt ma ta xi struzzjoni diretta biex dan isir.

Manuel Delia jitlob għar-riżenja tal-Ministru

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din id-deċiżjoni, Manuel Delia talab għar-riżenja immedjata ta' Owen Bonnici

Huwa saħaq li l-Qorti rrikonoxxiet id-dritt fundamentali tal-attivisti biex jipprotestaw. "Bonnici kiser id-dritt tagħna aktar minn 500 darba. Issa jsir jirriżenja," saħaq Delia.

Il-Qorti tappella biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir ikun irrispettat

Intant, fid-deċiżjoni tagħha wkoll, il-Qorti appellat biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir ikun irrispettat u kemm jista' jkun ma jitwaħlux affarijiet miegħu.

Fil-fatt l-Imħallef appella lil Manuel Delia biex jassigura li ma jitwaħlux affarijiet kemm mal-istatwi tal-bronż u lanqas mal-pedistall tal-irħam.

Irrakkomanda li x-xemgħat, il-fjuri u l-pjanti jitpoġġew taħt il-pedistall.

More in Politika