Analiżi | Iż-żewġ naħat tal-munita ... l-ewwel deċiżjonijiet ta’ Abela

Abela issa ilu ħmistax PM, imma ħa numru ta’ deċiżjonijiet li ġabu numru ta’ bidliet. Ħarsa lejn l-aspetti pożittivi u dawk negattivi ta’ wħud mill-aktar deċiżjonijiet importanti ta’ Robert Abela u kif intlaqgħu

Robert Abela għalaq ġimagħtejn fit-tmun tal-pajjiż u f’ġimagħtejn ġraw bidliet u affarijiet li ġeneralment huma mistennija li jsiru fuq medda ta’ żmien iktar twil.

Din il-gazzetta qed tagħti ħarsa lejn id-deċiżjonijiet ta’ Abela u għal kull waħda nelenkaw il-fatti jew l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi.

Clyde Caruana, jinħatar Kap tas-Segretarjat fl-OPM

• Caruana huwa teknokratiku u bniedem li jgħin biex jinħolqu politiki bħal dik taċ-child care centres b’xejn. Dan il-fatt se jgħin ħafna lil Abela biex ifassal, pereżempju, il-baġit jew inkella l-programm elettorali l-ġdid.

• Il-fatt li Caruana m’għandux rabtiet ma’ negozji u l-flus u l-fatt li huwa ‘nadif’ tant li jidher illi hemm qbil politku li huwa l-persuna adattata biex tokkupa l-kariga, ifisser inqas riskji u wġigħ ta’ ras għall-Prim Ministru (u għall-pajjiż)

• Caruana però m’għandux esperjenza biżżejjed fl-istruttura politika tal-Gvern. Jekk ma joqgħodx attent jista’ jinbela’ mill-interessi partiġġjani kif ukoll dawk tal-flus li jiċċirkolaw madwar il-poter

• Clyde Caruana, għallinqas milli nafu sa issa, mhuwiex strateġista. Dan jista’ jkun żvantaġġ għaliex: ċerti deċiżjonijiet li jipproponi u jintlaqgħu jistgħu jkunu sensibbli imma strateġikament ħżiena. Keith Schembri kien il-moħħ wara l-kampanji kbar tal-Partit Laburista u li wasslu għal rebħiet kbar. Minkejja l-ħafna negattiv ta’ Schembri, wieħed ma jistax jiċħad illi kien strateġista elettorali tajjeb ferm u tajjeb jew ħażin aċċerta l-appoġġ ta’ wħud mill-akbar negozjanti.

Kabinett żagħżugħ – Ġenerazzjoni ġdida

• Kabinett iktar żagħżugħ ġab miegħu aktar enerġija u xi ftit ta’ tama ġdida wkoll fost ħafna illi kienu bdew jaqtgħu qalbhom. L-akbar promozzjonijiet ħaduhom iż-żgħażagħ: Aaron Farrugia, Byron Camilleri, Silvio Schembri, Rosianne Cutajar u Clint Camilleri. Dan apparti promozzjonijiet oħrajn fosthom ta’ Julia Farrugia Portelli u Edward Zammit Lewis. Dawn l-għażliet injettaw sens ta’ stennija u aspettattiva. Ħafna se jorbot fuqhom għas-suċċess jew nuqqas tiegħu, tal-Gvern ta’ Abela

• Kabinett ġdid ifisser enerġija ġdida li qed tgħin biex il-Gvern jirriġenera lilu nnifsu u joħroġ mill-kriżi politika li sa ftit ilu kienet saħansitra bdiet thedded l-eżistenza tiegħu. It-tama ġdida f’dan t-tim ma setgħetx ġiet fi żmien aħjar, bħal mediċina għall-marid.

• Imma dan kollu huwa mibni fuq l-ewwel impressjonijiet u immaġini. Daqs kemm hemm enerġija ġdida, daqstant ieħor inċertezza għal li ġej. Ħafna mill-Minstri l-ġodda għad iridu joqogħdu għat-testijiet tagħhom, speċjalment dawk li għandhom toqol kbir fuq spallejhom. Primarjament dawn huma: Zammit Lewis, Farrugia, Schembri u Camilleri.

Justyne Caruana tirriżenja

• Billi laqa’ r-riżenja ta’ Justyne Caruana, Robert Abela ħoloq preċedent ċar. ‘Fil-ħażin int jew ta’ madwarek? Trid titlaq!’ Naturalment mhux kulħadd japprezza pass bħal dan, għall-bidu. Imma l-messaġġ li ntbagħat issa huwa li l-PM mhux se jkun qed jgħatti xtur min jagħmel il-ħażin, min jiżloq bil-kbir u min b’azzjonietu jitfa’ dell ikrah fuq il-Gvern. Din it-tip ta’ dixxiplina tista’ tidher kerha jew li “qed tpaxxi” lill-avverrsarju bħalissa. Imma ladarba tindara se ssir kejl li bih ikollu jibda jiġi ġġudikat mhux biss il-Gvern, imma anke l-Oppożizzjoni

• Dan il-preċedent qed ipoġġi ħafna pressjoni fuq l-Oppożizzjoni li hija mmexxija minn persuna b’ħafna dellijiet fuqha, mhux l-inqas akkużi illi kien parteċipi f’ħasil ta’ flus li kienu ġejjin minn xibka ta’ prostituzzjoni. F’daqqa waħda jidher li l-Gvern Laburista qed imexxi fil-qasam tal-governanza, l-akbar dgħufija tiegħu, u l-PN isegwi. Din hija sitwazzjoni perikoluża għall-PN speċjalment jekk il-Labour għandu jew se jkollu informazzjoni li titfa’ lil Delia f’dellijiet akbar. Jekk il-Labour ibiddel il-governanza f’karta rebbieħa u ma jkunx hemm traġedji ekonomiċi fil-pajjiż, id-disfatta tal-PN fl-elezzjoni ġenerali li jmiss taf tkun fatali.

• L-akbar żvantaġġ ta’ mossi bħal ta’ Justyne hija l-aljenazzjoni li dawn jistgħu joħolqu fost il-votanti Laburisti l-aktar iddedikati lejn il-partit. L-istampa tista’ tidher bħala waħda illi fiha l-PL qed iċedi wisq u qed ikun wisq akkoljenti lejn ir-rieda tal-avversarju. Filwaqt li dan huwa vera, l-effett jista’ jkun pożittiv għall-Gvern, eventwalment.

Daphne Caruana Galizia u l-konċiljazzjoni

• Bil-passi lejn il-konċiljazzjoni mal-aktar persuni li għandhom antipatija lejn il-Partit Laburista, issa u storikament, Abela qed jibni immaġini tiegħu li hija Prim Ministerjali. Ta’ Prim Ministru li joħroġ l-id tal-ħbiberija. Dawn il-mossi se jgħinu mhux ftit biex jonqsu l-firdiet u biex il-Parlament Ewropew ikun ħafna iktar ħanin fil-ġudizzju tiegħu lejn pajjiżna. Fil-fatt ir-rebħa lura tal-fiduċja fil-pajjiż f’istituzzjonijiet Ewropej hija l-akbar rebħa li jista’ jagħmel Abela.

• It-ton iktar konċiljatorju u inqas ostili ta’ Abela jista’ jwassal biex jintefa’ ftit tal-ilma fuq in-nirien u t-temperatura politika fil-pajjiż tkompli nieżla għan-normalità. Huwa importanti li l-pajjiż jitbiegħed mill-mumenti ta’ tensjoni li għadda minnhom bejn Novembru u Diċembru tas-sena li għaddiet jekk irid ikompli jikber ekonomikament.

• Mill-ġdid, bħal fil-każ ta’ Justyne Caruana, l-akbar problema li ġabet deċiżjoni bħal din hija li tirrabbja lill-għeruq tal-PL. Fil-fatt il-pass li ma jitnaddafx il-monument tal-Assedju mill-fjuri u x-xemgħat li jitħallew biex titfakkar Daphne Caruana Galizia, intlaqgħet ħażin minn ħafna Laburisti.

• ‘Allura aħna kellna raġun’. Hekk kien hemm min irrisponda fir-rigward tal-konċiljazzjoni ta’ Abela. U dan huwa minnu. Jista’ jkun li l-PN kif ukoll Repubblika u Occupy Justice għamlu rebħa morali u ngħataw raġun fuq diversi punti kruċjali. Dan jeħtieġ ikun aċċettat. Minkejja li dan qed idejjaq xi ftit lil bosta fil-PL iżda, Abela qed jagħmel kalkolu illi elettoralment dawn il-mossi ftit li xejn se jaffetwawh filwaqt li se jpoġġuh fuq skala morali ogħla.

Jirriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija

• Għalkemm il-Kummissarju ngħad li rriżenja minn jeddu, il-fatt li Abela qed jingħata jew ta lilu nnifsu opportunità biex jibda mill-ġdid hawnhekk huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Il-Kummissarju Cutajar kien ikkritikat bil-qawwi l-aktar minħabba nuqqas pjuttost gravi ta’ komunikazzjoni kif ukoll li ma deherx illi saru investigazzjonijiet intensivi biżżejjed meta kienu żvelati ċertu stejjer bħall-Panama Papers, kif ukoll dettalji dwar 17 Black. Ma’ dawn tgħaqqad l-istorja ta’ Egrant u allegazzjonijiet marbutin mal-Bank Pilatus. Ħafna drabi, sforz inazzjoni jew inkella nuqqas ta’ informazzjoni, kien jidher li mhux qed isir biżżejjed.

• Bidla fir-riedni tal-Korp tal-Pulizija possibbilment jaf twassal għal aktar żblokki fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-investigazzjoni fl-allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus kontra Adrian Delia u dawk kontra Keith Schembri.

• Minkejja kollox iżda Cutajar huwa maħbub fil-Korp, l-aktar minħabba li kellu relazzjoni tajba mal-unjins u jidher li kien qed itejjeb il-kundizzjonijiet tal-pulizija. Taħt it-tmexxija ta’ Cutajar kellna rekords ta’ qabdiet ta’ droga u ġie solvut assassinju politiku, l-unika li qatt ġie solvut fil-fatt. Allura huwa naturali li r-riżenja tiegħu qajmet xi ftit ta’ rabja u frustrazzjoni, l-aktar fost dawk li jappoġġjaw lill-PL.

• Id-diskors ta’ Abela kien ftit differenti qabel ma l-membri tal-Partit Laburista għażluh bħala Mexxej Laburista. Fil-fatt Abela kien aktar pożittiv dwar il-Korp tal-Pulizija u kien qal li mhux jinqatgħu l-irjus iridu fir-riforma li ser issir fil-Korp. Wisq deċiżjonijiet li jidhru illi jmorru kompletament kontra l-idea tal-kontinwità hemm fejn jirrabbjaw ħafna lill-elettorat Laburista.

More in Politika