ll-Ministru Farrugia Portelli talbet li jkunu eżaminati l-kuntratti kollha li l-MTA tat fl-aħħar xhur

Dan wara li din il-ġimgħa ġie żvelat kuntratt ta' €80,000 li ngħata lil Konrad Mizzi ħmistax wara li rriżenja minn Ministru

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli talbet biex ikunu eżaminati l-kuntratti kollha li ngħataw mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fl-aħħar xhur.

Farrugia Portelli saħqet li dawn il-kuntratti se jkunu eżaminati biex ikun assigurat li huma validi.

Il-Ministru ħadet dan fid-dawl tal-kontroversja li qamet fl-aħħar jiem meta ġie żvelat li ħmistax wara li rriżenja minn Ministru, Konrad Mizzi ngħata kuntratt ta’ konsulenza mal-MTA u kien se jaqla’ €80,000.

Dan il-kuntratt twaqqaf.

Farrugia Portelli qalet dan waqt li kienet qed titkellem wara konferenza tal-aħbarijiet dwar l-espansjoni tat-terminat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Saħqet li wara li jintemm il-proċess, ikun imiss lilha biex tieħu d-deċiżjonijiet fejn ikun hemm bżonn.

Mistoqsija jekk Mizzi hux se jkun qed jikkontesta d-deċiżjoni li ttieħdet dwar il-kuntratt tiegħu, Farrugia Portelli saħqet li kulħadd huwa liberu li jieħu l-passi legali li jħoss li hemm bżonn.

Qalet biss li kien hemm raġunijiet legali u etiċi għaliex kien itterminat dan il-kuntratt.

More in Politika