Aġġornata | Jonathan Ferris jinsisti li John Dalli qallu li Egrant kienet tal-Labour

L-għan tal-inkjesta pubblika huwa biex tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ikun evitat

Kompliet illum l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bl-eks spettur tal-Pulizija u l-eks uffiċjal tal-FIAU, Jonathan Ferris ikun ix-xhud ewlieni u jinsisti li l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli kien qallu li l-kumpanija Egrant kienet tal-Partit Laburista u tfisser 'Election Grant.'

Ferris kien qal dan għall-ewwel darba lill-Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja u kienet il-gazzetta MaltaToday li żvelat dan. 

Jonathan Ferris kien saħaq li ftit qabel telaq mill-Korp tal-Pulizija, kien informa lil Dalli li l-investigazzjoni dwar is-sehem tiegħu fi skema ta' ħasil ta' flus kienet se tkun qed tgħaddi f'idejn supretendent.

"Dalli ħadni fil-ġenb u qalli: 'isma. Qed ngħidlek dan għax qatt ma rajt lil xi ħadd bħalek fil-Korp. Jekk trid tagħmel ftit ħoss, jekk trid tkun taf ta' min hi Egrant ... Egrant hija Election Grant. Hija kumpanija tal-Labour."

Min-naħa tiegħu Dalli ċaħad dan u kien insista li ma jistax jifhem kif Ferris daħlu fil-kwistjoni Egrant. Tant hu hekk li kien akkuża lil Ferris li qed jimmalafamah.

'Karozzi tal-Pulizija kienu jsegwuni kull fejn inkun'

Tul ix-xhieda tiegħu, Jonathan Ferris tkellem fit-tul u fid-dettall dwar ix-xogħol tiegħu fil-Pulizija u aktar tard fl-FIAU u fuq ir-rapport li ħadem u li ra b'għajnejh.

Fost oħrajn, Ferris isemmi rapport analitiku li s-suġġett tiegħu kien il-Ministru (dak iż-żmien) Konrad Mizzi.

Ferris semma diversi dettalji mir-rapport, fosthom kif l-esperti għamlu referenza għal tranżazzjoni ta' ċenteżmu li Konrad Mizzi għamel meta kien il-Montenegro, jumejn wara li ffirma ftehim. Fi kliemu, din il-proċedura tintuża normalment biex tivverifika karta tal-kreditu.

Kompla jisħaq li tkeċċa meta kien qed jinvestiga l-istrutturi ta' Konrad Mizzi. Insista li kien qed jissuspetta li kienu qed iqalbulu fl-uffiċċju.

"L-uffiċċju tiegħi kien l-uniku wieħed mingħajr CCTV," saħaq Ferris. Fi kliemu, kontinwament kien qed ikun segwit minn karozzi tal-pulizija. 

X'ġara fl-aħħar seduti

L-aħħar seduta saret nhar it-Tnejn li għadda fejn xehed l-eks Ċerpersin tal-MFSA Joe Bannister bl-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino jisħaq li ma jiflaħx aktar jisma’ xhieda jfarfru mir-responsabbilitajiet tagħhom u jitfgħu l-ballun f’saqajn ħaddieħor.

Fis-seduti li għaddew xehdu fost oħrajn l-eks kummissarju tal-Pulizija u anke l-eks Kap tal-FIAU Manfred Galdes li insista li kien jistenna li se jittieħdu passi fuq rapporti li għaddew lill-Pulizija.

L-għan tal-inkjesta pubblika huwa biex tistabbilixxi jekk il-qtil ta’ Caruana Galizia setax ikun evitat u jekk l-Istat bl-azzjonijiet jew bin-nuqqas tagħhom, għenx biex tinħoloq klima li fih il-qtil seta’ jseħħ.

Dan l-artiklu se jkun aġġornat bid-dettalji.

More in Politika