Repubblika u OccupyJustice jgħidu li ma setgħux jifhmu kif "Keith Schembri għadu jiġri barra"

Repubblika u OccupyJustice jsejjħu lill-Maltin u l-Għawdin biex fis-6pm jipprotestaw quddiem il-Parlament

Fi stqarrija li kibtu, Repubblika u OccupyJustice sejjħu lill-Maltin u l-Għawdin biex fis-6pm jipprotestaw quddiem il-Parlament. Dan qaluh "għaliex l-impunita’ u l-korruzzjoni li ilna snin nipprotestaw kontrihom għadhom ir-regola u mhux l-eċċezzjoni."

Repubblika u OccupyJustice żiedu jgħidu li "il-u-turns tal-prim minsitru l-ġdid f’dawn l-aħħar jiem juru li Robert Abela m’għandu l-ebda intenzjoni li jagħmel dak li hu sew, iżda li jrid sempliċement jagħti l-impressjoni li hu anqas ħażin minn ta’ qablu."

Semmew ukoll li Prim ministru tajjeb qatt ma kien jinnomina lill-korrott Konrad Mizzi biex jirrappreżenta lil Malta fl-OSCE. Żiedu jgħidu wkoll li lanqas kien jaħtar lil Justyne Caruana f’kariga bl-eżatt wara li kellha tirreżenja minn ministru minħabba l-qrubija ta’ żewġha mal-allegat mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. B'żieda ma dan, qalu li "lanqas kien jaċċetta li jibqa’ ikollu fil-grupp parlamentari tiegħu deputati li kontrihom hemm allegazzjoni ċarissimi ta’ korruzzjoni u reati kriminali serjissimi oħra."

Barra minn hekk, semmew ukoll li ma setgħux jifhmu kif "Keith Schembri għadu jiġri barra u saħansitra jitħalla jitlaq mill-pajjiż frekwentement minkejja l-allegazzjoniet serjissimi li saru kontrih u minkejja li huwa ċar li ħeba u għadu qed jaħbi evidenza kruċjali mill-pulizija."

Ikkonkludew l-istqarrija tagħhom billi ddikjaraw li "xbajna nisimgħu skużi foloz. Pajjiżna mifni bil-korruzzjoni u l-impunita’. Mhux ser naċċettaw li l-gvern u l-istituzzjonijiet l-oħra ta’pajjiżna jibqgħu jabdikaw mir-responsabbilitajiet tagħhom lejn il-Poplu Malti u Għadwxi."

Waqt il-protesta tal-lejla se jitkellmu l-attivisti Julian Delia, Mark Anthony Sammut u Manuel Delia.

More in Politika