Marlene Mizzi titlef il-libell li kienet fetħet kontra David Casa

Casa kien implika li Mizzi kienet qed tikri l-uffiċini tagħha mingħand bintha biex iddaħħal fil-but fondi tal-Parlament Ewropew

L-eks Ewroparlamentari Marlene Mizzi tilef il-libell li fetħet kontra l-Ewroparlamentari David Casa u dan dwar artiklu ppubblikat fuq MaltaToday u li fih, skont Mizzi, Casa jagħmel malafama kontriha.

L-artiklu kien jisħaq li Casa qal li Marlene Mizzi kienet qed tikri l-uffiċċini tagħha mingħand bintha bl-implikazzjoni tkun li din qed iddaħħal fil-but fondi tal-Parlament Ewropew li huma allokati għall-MEPs biex jikru uffiċini.

Meta kien mistoqsi dwar l-uffiċċju u n-nefqa tiegħu, Casa kien ipponta subajgħ fuq Marlene Mizzi.

Marlene Mizzi immedjatament kienet irreaġixxiet għal dan u ddeskriviet lil Casa bħala “giddieb kbir.”

Fil-Qorti, Mizzi spjegat kif kienet offruta l-uffiċini, li s-sid tagħha hija bintha, fi Strada Stretta fil-Belt Valletta.

“Jiena persuna ta’ integrità,” insistiet Mizzi.

Fid-deċiżjoni tal-lum, il-Qorti ddikjarat li l-kummenti ta’ David Casa kienu espressjoni ta’ opinjoni fuq xi ħaġa ta’ interess pubbliku u ma jistgħux jitqiesu malafamanti.

Jidher li Mizzi se tkun qed tappella din id-deċiżjoni.

More in Politika