‘Aħna ma niltaqgħux mal-Ministri fuq affarijiet personali'

Sandro Chetcuti jgħid li l-MDA m'għandhiex problemi b'reġistri li juru Ministri ma' min iltaqgħu.  Jgħid ukoll li l-MDA mhi inkwetata xejn dwar il-futur immedjat tal-industrija

F'kummenti ma' din il-gazzetta l-President tal-Malta Developers' Association (MDA) Sandro Chetcuti qal illi hu u l-assoċjazzjoni m'għandhomx problemi li jkun hemm reġistru li juri l-Ministri ma' min iltaqgħu.  Chetcuti kien qed jirreaġixxi għal proposta tal-Ministru Aaron Farrugia li kull Ministru jkollu reġistru bin-nies u negozjanti li ltaqa' magħhom, miżura mmirata għal aktar trasparenza wara diversi inċidenti ta' relazzjonijiet bejn politiċi u negozjanti li marru ħażin.

“Aħna ma mmorrux niltaqgħu mal-Ministri fuq kwistjonijiet personali imma biex niddiskutu l-politiki,” saħaq Chetcuti.

Hu qal li l-MDA mhux biss taqbel li għandu jkun hemm reġistru tal-laqgħat imma wkoll li jittieħdu l-minuti tal-laqgħa.

'M'aħna inkwetati xejn' - Chetcuti dwar iż-żmien li ġej għall-industrija tal-kostruzzjoni

“L-inċertezza politika u reputazzjonali għamlet ħafna ħsara lill-industrija tal-kostruzzjoni.” Hekk saħaq ma’ din il-gazzetta Chetcuti, meta mistoqsi dwar l-andament tal-industrija tal-kostruzzjoni bħalissa u dak mistenni għaż-żmien li ġej.

Minkejja li ammetta illi saret ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjżna Chetcuti fl-ebda ħin ma indika illi l-industrija dieħla f’xi perjodu ħażin. “M’aħna inkwetati xejn,” fil-fatt jgħid il-President tal-MDA.

“Xejn mhu qed juri li qed jittieħdu deċiżjonijiet li jweġġgħu l-industrija u allura aħna ma naraw xejn li nistgħu nikkritikaw,” saħaq Chetcuti.

Il-gazzetta ILLUM staqsiet fil-fatt jekk l-MDA hux qed tistenna tnaqqis fir-ritmu ta’ din l-industrija jew jekk kienx hemm diġà. “Tnaqqis ilna nħossu. Il-magna bdiet tiskossja minn żmien ilu, mis-sajf fil-fatt,” jikkonferma Chetcuti.

“Bdejna bl-iskossi mis-sajf u l-investitur beda joqgħod iktar kawt,” jgħid il-President tal-MDA li jammetti illi kien hemm żewġ fatturi li wasslu għan-nuqqas fir-ritmu tat-tkabbir.

L-ewwel nett kien hemm bħal tnaqqis naturali, wara snin ta’ tkabbir kważi bla preċedent u t-tieni kawża huma l-banek li kienu aktar kawti u l-burokratiċi, “minħabba l-inċertezzi u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Il-gazzetta kompliet tistaqsi imma jekk jeżistix inwkiet fost il-membri tal-MDA li se jonqos ix-xogħol. Filwaqt li ċaħad, Chetcuti qal illi m’hemm ebda inkwiet, “għax jekk jikkwieta x-xogħol il-membri tagħna kapaċi jaġġustaw u jadattaw għal kull żmien.”

Hu kompla jgħid li l-MDA se tkompli taħdem biex tara illi l-ekonomija tkompli tikber u allura anke din l-industrija.

Fil-kummenti ma’ din il-gazzetta huwa jidher ħerqan biex ifakkar illi l-industrija tal-proprjetà hija l-aktar waħda li tifrex il-ġid.  

Imma kemm qed toħloq ġid il-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà?

Imma vera li l-kostruzzjoni qed iżżomm l-ekonomija fil-wiċċ?

Ħarsa lejn l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru kif fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2019 l-industrija tal-kostruzzjoni ħalliet fl-ekonomija tal-pajjiż ftit inqas minn €336 miljun.

Min-naħa l-oħra fl-istess sena l-bejgħ u xiri ta’ proprjetajiet (real estate) ħalliet kważi €412-il miljun.

Dan ifisser illi l-kostruzzjoni u r-real estate flimkien, bejn Jannar u Settembru 2019 ħallew madwar €748 miljun f’but il-pajjiż.

Dawn flimkien jiġu akbar minn kull ammont f’kull qasam, fil-fatt il-Kostruzzjoni u proprjetà huma segwiti biss mill-bejgħ bl-imnut, trasport, akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel li huwa grupp ta’ setturi ekonomiċi ħafna iktar varju. F’dan il-każ dawn kollha flimkien kkontribwixxew għal €705 miljun fl-ewwel disa’ xhur tas-sena l-oħra.

Dan ifisser li l-kostruzzjoni u l-bejgħ u x-xiri tal-prorpjetà, li huma xi ftit jew wisq marbutin ma’ xulxin, kienu qed jiffurmaw l-akbar sehem fil-Prodott Domestiku Gross tal-pajjiż.

Interessanti wkoll kif iż-żieda bejn l-2018 u l-2019 kienet sinifikanti. Fil-fatt fl-ewwel tliet kwarti tas-sena tal-2018 il-kostruzzjoni ħolqot €291.7 miljun ekwivalenti f’ġid. Dan ifisser illi f’sena kien hemm qabża ta’ €44 miljun.

Fix-xiri u bejgħ ta’ proprjetà, inħoloq b’kollox €390 miljun fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2018. Dan allura jfisser illi fl-2019 kien hemm żieda ta’ €22 miljun fil-flus li dan is-settur ħalla fl-ekonomija.

More in Politika