Sidien jikkonfermaw li l-instabbilità politika u l-qtugħ tad-dawl kellhom impatt fuq in-negozju

75% jaħsbu li fl-2020 se jmorru simili għal kif marru fl-2019 filwaqt li xi wħud jemmnu li jistgħu jmorru aħjar

Stħarriġ li sar mill-Kamra tal-Intrapriżi ż-Żgħar ikkonferma li matul ix-xahar ta’ Diċembru, l-instabbilità politika li nħolqot fil-pajjiż waslet biex kellha effett fuq in-negozji, partikolarment fost il-ħwienet tal-Belt Valletta.

Mis-sondaġġ, li sar onlajn, jirriżulta li ma kienx hemm xi sorpriżi kbar u l-kummerċ kien simili għal dak li l-Kamra kienet qed tistenna u kien jirrifletti ekonomija li naqset xi ftit mir-ritmu li kienet qabdet.

Fil-fatt, l-istess sondaġġ wera kif l-istabbilità politika u ekonomika kienu l-aktar żewġ fatturi li inkwetaw u li għadhom qed jinkwetaw lis-sidien tan-negozji. In-nuqqas ta’ ħaddiema wkoll qed jinkwieta lis-sidien.

Rigward dak li seħħ fl-aħħar xhur fil-pajjiż, is-sondaġġ ikkonferma wkoll li n-negozju fi Black Friday ma laħħaqx l-aspettativi. 

Il-qtugħ tad-dawl fl-istess perjodu wkoll issemma’ mis-sidien bħala fattur li wassal għal riżultati xejn sbieħ għan-negozji.

Fatturi oħra li lmentaw dwarhom is-sidien tal-ħwienet u li jaffetwawhom kienu l-kompetizzjoni mhux ġusta, it-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ.

60% tas-sidien qalu wkoll li s-sales ta’ Jannar kienu pożittivi u l-bqija, ħlief għal 4% li qalu li n-negozju tagħhom mar ħafna aħjar milli stennew, insistew li l-bejgħ fl-2020 beda aktar b’pass kajman mis-soltu.

Il-maġġoranza tas-sidien, madanakollu, mhux qed iħarsu daqshekk negattiv għall-2020.

75% jaħsbu li din is-sena se jmorru simili għal kif marru fl-2019 filwaqt li xi wħud jemmnu li jistgħu jmorru aħjar. 

Il-bqija jibżgħu li n-negozju se jmur għall-agħar u dan minħabba l-aħħar żviluppi politiċi.

More in Politika