'Kurjuż nara jekk hemmx karrijiet sponsorjati minn xi ditta ta' arloġġi jew inbid partikolari'

L-Arċisqof jisħaq li ma għandu l-ebda problema li jkun hemm karru fuqu iżda ma jaċċetta qatt li s-satira ssir mezz kif jitfawlu t-tajn

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna saħaq li ma għandu l-ebda problema li jkun hemm karru fuqu iżda ma jaċċetta qatt li s-satira ssir mezz kif jitfawlu t-tajn.

Monsinjur Scicluna kien qed jiġi intervistat fuq Newsbook, fosthom dwar il-karru satiriku li qajjem kontroversja sħiħa, meta ma tantx qagħad jomgħod il-kliem u ddeskriva bħala “malizzja” l-fatt li l-karru kien qiegħed jassoċjah mal-abbuż tat-tfal.

“Inġust li tassoċjani mal-abbuż tat-tfal. Lill-ebda isqof, iżda b’mod partikolari lil Charles Scicluna” saħaq l-Arċisqof.

Filwaq li saħaq li ma għandu l-ebda oġġezzjoni li min ikun fuq irwol pubbliku jkun suġġett għas-satira, insista li s-satira ma tibqax satira jekk issir tfigħ tat-tajn.

Kien hawn li saħaq li jittama li apparti fuq l-Arċisqof ikun hemm ukoll karrijiet fuq politiċi, għax fi kliemu, din is-sena, taw aktar punti għas-satira.

“Kurjuż nara jekk hemmx karrijiet sponsjorjati minn xi ditti ta’ arloġġi jew brands ta’ inbid partikolari,” saħaq Monsinjur Scicluna b'ton sarkastiku, b'referenza għar-rapporti dwar rigali li Yorgen Fenech allegatament ta lil Joseph Muscat.

“Jiena t-tajn jitfawli s-sena kollha,” saħaq l-Arċisqof waqt li insista li ma għandux għaliex ikun hemm karru biex jagħmel dan.

Fi kliemu, karru bħal dan ineżża' lill-Arċisqof mid-dinjità tiegħu.

L-Arċisqof Scicluna, sa minn qabel sar Isqof, ħadem ħafna kontra l-abbuż tat-tfal mill-membri tal-kleru u tista’ tgħid li huwa l-investigatur tal-Papa Franġisku fuq din il-kwistjoni. 

Il-karru li qajjem din il-kontroversja ipoġġi lill-Arċisqof fin-nofs u warajh, prominenti, Dar San Ġużepp fil-Ħamrun li ftit tas-snin ilu kienet fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ abbuż sesswali minn reliġjużi. Kien il-Ministru José Herrera stess li ordna biex dan il-karru ma jiħux sehem.

Aqra wkoll l-editorjal tal-gazzetta ILLUM dwar din il-kwistjoni.

More in Politika