Michelle Muscat attiva sew fil-kampanja favur Robert Abela

Anke persuni qrib ħafna tagħha kienu qed jaħdmu attivament, imma mhux uffiċjalment, għal Abela

Michelle Muscat, mart l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista kienet fost dawk illi attivament appoġġjaw u ħadmu favur il-kandidatura ta’ Robert Abela, tinsab infurmata din il-gazzetta.

Minkejja li Joseph Muscat, kif mistenni qagħad lura, martu kienet qed tikkomunika ma’ bosta persuni, b’diversi modi fosthom messaġġi, biex tħeġġeġ lill-membri jivvutaw lil Abela.

Ma kinitx biss Muscat fil-fatt. Anke persuni qrib ħafna tagħha kienu qed jaħdmu attivament, imma mhux uffiċjalment, għal Abela.

L-appoġġ ta’ mart l-eks Prim Ministru seta’ kien wieħed mill-fatturi li wasslu għal rebħa mhux mistennija minn Abela, li fil-bidu ta’ kampanja qasira għal Mexxej Laburista ġdid deher li se jkollu kampanja pjuttost dgħajfa.

Minkejja dan fit-tieni nofs, il-kampanja ta’ Abela ħadet spinta enormi, mhux biss fis-sens ta’ appoġġ imma speċjalment fir-rigward ta’ immaġini.

Mhux sorpriża li ħafna minn dawk li kienu jfasslu l-kampanji ta’ Joseph Muscat fasslu t-tieni nofs tal-kampanja ta’ Robert Abela, li kulma jmur iktar bdiet tixbah kampanja ta’ Muscat innifsu.

Minkejja l-wegħda ta’ kontinwità Abela qed jieħu deċiżjonijiet pjuttost radikali biex jitneħħew ċerta nies u jsiru bidliet.

More in Politika