'Mhux biżżejjed li ġie tterminat il-kuntratt ta' Hillman. Għandu jkun investigat'

Repubblika tgħid dak li għamel is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo għandu jkun biss l-ewwel pass biex toħroġ il-verità

Marion Pace Asciak, li qed tmexxi 'Repubblika'
Marion Pace Asciak, li qed tmexxi 'Repubblika'

"It-terminazzjoni tal-kuntratt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat ta immedjatament wara l-elezzjoni tal-2013 lil Adrian Hillman bħala konsulent tal-Malta Gaming Authority mhux biżżejjed. Dan għandu jkun biss l-ewwel pass biex toħroġ il-verità sħiħa u biex issir ġustizzja."  Hekk sostniet fi stqarrija l-għaqda Repubblika f'reazzjoni għall-aħbar dalgħodu li s-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo ttermina l-kuntratti ta' Hillman minn mal-MGA.

"Ir-raġuni li ngħatat għat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ Adrian Hilman tammonta għal reat kriminali u għalhekk huwa ovvju li l-Pulizija għandhom jinvestigaw dan u jieħdu passi fil-konfront ta’ Hillman bla tkaxkir ta’ saqajn."

Repubblika fakkret li Hillman għadu jirrappreżenta lill-Gvern Malti fuq il-Bord tat-Trustees tal-Università Amerikana. "Is-serjetà u d-diċenza jesiġu li Owen Bonniċi u Robert Abela għandhom ikeċċu lil Hillman minn dan ir-rwol ukoll."

"Irridu nkunu nafu wkoll l-Malta Gaming Authority kemm ilha taf b’dan kollu u meta kien sar l-ewwel rapport dwar dan." temmet tgħid Repubblika li qalet ukoll illi qed tistenna l-eżitu tal-inkjesti li jirrigwardaw lil Hillman u lil Keith Schembri.  Dawn qed ikunu akkużati b'ħasil ta' flus. 

More in Politika