Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo jwaqqaf kuntratti li Adrian Hillman kellu mal-MGA

Daphne Caruana Galizia kienet żvelat tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji sigrieti ta' Adrian Hillman u Keith Schembri

Il-kuntratti ta’ konsultazzjoni li Adrian Hillman kellu mal-Awtorità Maltija għal-Logħob twaqqfu ħesrem fuq ordni tas-Segretarju Parlamentari l-ġdid Clayton Bartolo.

Kien Bartolo stess li ħabbar dan fuq Facebook waqt li saħaq li dan huwa sinjal ta’ “tolleranza żero” għal min jipprova jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ din l-industrija “kruċjali.”

Bartolo spjega kif l-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers kien qed jitħallas fondi li kienu intiżi għal kumpanija privata permezz ta’ konsultazzjonijiet mal-MGA.

“Ordanjt li l-kuntratt ikun itterminat immedjatament bħala sinjal ta’ tolleranza żero għall-imġieba li tista’ tagħmel ħsara lil din l-industrija kruċjali,” saħaq is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Servizzi Finanzjaji u l-Ekonomija Diġitali.

Lura fl-2018, it-Times of Malta kienet irrapportat li Hillman kien qed jaqla  €4,000 a month għal konsultazzjoni tal-gvern mal-awtorità.

Interessanti li Hillman kien appuntat bil-għan li tissaħħaħ ir-reputazzjoni tal-MGA fi żmien meta hu jinsab taħt inkjesta maġisterjali minħabba allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.

Huwa kien irriżenja mill-Allied Newspapers meta ismu ħareġ fil-Panama Papers. Hillman kellu kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands, simili għal dawk il-Panama li fetaħ Brian Tonna għal Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Daphne Caruana Galizia, fil-fatt, kienet żvelat sensiela ta’ tranżazzjonijiet, bejn Schembri u Hillman. Il-valur ta' dawn it-tranżazzjonijiet kien ilaħħaq is-€650,000.

More in Politika