Intervista | ‘It-triq ’il quddiem għall-Partit Laburista hija li jibqa’ moviment’

L-aħħar ġranet immarkaw bidliet kbar fil-Partit Laburista u fiċ-ċentru ta’ din il-bidla kien hemm il-President tal-partit, politiku żagħżugħ magħġun fil-filososfija u t-twemmin ta’ Moviment. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Daniel Josè Micallef u tistaqsih …

Din kienet il-ġimgħa illi fiha l-Partit Laburista ra l-akbar bidla fih f’aktar minn 10 snin. Bidla li ġiet f’nofs kriżi politika li konna ilna sew ma naraw bħalha. Bidla li poġġiet fil-poter persuna li ftit immaġinaw illi se tkun Prim Ministru ta’ Malta u bidla li rat nies jitilfu posthom, jirriżenjaw jew jieħdu promozzjonijiet. 

Fil-ħin eżatt li l-Gvern ħabbar ir-reshuffle tal-kabinett, din il-gazzetta bdiet intervista mal-President tal-Partit Laburista Daniel Josè Micallef.

Micallef qatta’, prattikament, nofs ħajtu fil-partit hekk kif ilu attiv 17-il sena. 

Hu kien beda mill-fergħa taż-żgħażagħ ta’ Ħad-Dingli, imbagħad daħal fil-Kumitat lokali tal-istess lokalità, tradizzjonalment b’maġġoranza Laburista u wara l-2008 sar President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL). 

Huwa dam f’din il-kariga sal-2013, meta nħatar President tal-partit, kariga li għadu jokkupa sal-ġurnata tal-lum. 

‘Meta kont niltaqa’ man-nies ma kinux jitkellmu qisu ma ġara xejn’

Nibda billi nistaqsih jekk iħossx li l-PL tilifx l-awtorità morali tiegħu bħala Gvern, wara dak kollu li ġara u l-implikazzjonijiet kollha diretti lejn nies fil-Gvern, primarjament Keith Schembri. 

“Jiena naħseb li fil-mument li bdiet tiżviluppa dik is-sitwazzjoni, kont ninkwieta fuq l-awtorità morali tal-partit kieku dak li ġara ttieħed b’leġġerezza,” jibda jispjega Micallef li jgħid illi, kuntrarjament għal dan -  is-sentiment kien wieħed ta’ inkwiet.

“Meta kont qed niltaqa’ man-nies ma kinux jitkellmu qisu ma ġara xejn jew li kollox sew għax is-sondaġġi qed jidhru sbieħ. Ma kienx dan is-sentiment, la fil-partit u lanqas barra,” asserixxa. 

Kien hemm min ivvotalna u kien kritiku tagħna, kien hemm min ivvotalna u mar jipprotesta … b’umiltà rridu nkunu aħna li naħdmu biex dawk li jħossu illi l-partit naqashom, nikkonvinċuhom

Huwa jgħid li l-partit għandu ħsieb komuni li jżommu magħqud u b’saħħtu u dan huwa li jaħdem biex imexxi lill-pajjiż ’il quddiem. 

Filwaqt li jgħid illi jissipjaċih li jkun hemm min imur kontra dan il-ħsieb komuni, ammetta wkoll li “kien hemm min ivvotalna u kien kritiku tagħna, kien hemm min ivvotalna u mar jipprotesta … b’umiltà rridu nkunu aħna li naħdmu biex dawk li jħossu illi l-partit naqashom, nikkonvinċuhom mill-ġdid,” saħaq Micallef.

‘Il-PL jista’ jibqa’ jattira n-nies, basta jkun onest’

Il-gazzetta tistaqsih jekk iħossx li l-partit daħal f’mentalità ta’ assedju bil-biża’ mill-kritika u mimli paranoja. Tfakkaru li kien hemm nies li weħħlu f’dawk l-eks Nazzjonalisti li bdew jivvutaw lill-PL fl-aħħar snin, għall-problemi li sab ruħu fih il-partit u l-pajjiż. 

“Jista’ jkun hemm dawk li għalihom din kienet l-ewwel reazzjoni,” jammetti Micallef li jkompli jgħid iżda illi hu bħala President tal-partit f’diskors li għamel f’Raħal Ġdid wissa biex ħadd ma jħalli lil min idaħħal lill-partit fi sqaq jew “idendel il-karrotta tal-għira.”

Qed jirreferi għal xi ħadd partikolari?

“Le. Ridt nindirizza l-fatt li t-triq ’il quddiem għall-Partit hija li jibqa’ moviment. Dan il-partit għandu nies li ġew magħna fi żmien Alfred Sant, ħafna oħrajn meta Muscat sar Mexxej u oħrajn li ma vvotawlniex fl-2013, imma vvotawlna fl-2017.”

Hu qal li l-partit jista’ jibqa’ jattira nies u gruppi b’interessi kuntrastanti basta jkun onest. 

Kull min juri interess fil-PL għandu jingħata ċans

Il-gazzetta tistaqsi iżda kemm jaħseb li se jdumu sostenibbli r-rebħiet li għamel il-Partit Laburista, hekk kif l-aspettattiva hija li issa dak id-distakk, anke jekk jibqa’ kbir, jibda jonqos.

Kemm se jdum hemm dak id-distakk? Sakemm il-PN ibiddel u jirriforma lilu nnifsu bis-serjetà? 

“Sta għalina dik. Jiena meta tkellimt fil-Kungress, tkellimt għal kulħadd mhux il-membri biss, għal kull min ivvota lill-Partit Laburista,” qal Micallef.

Huwa saħaq illi min iħares b’interess lejn il-partit għandu jingħata ċ-ċans li jagħti kontribut fil-PL mhux biss biex jappoġġja lill-istess partit imma wkoll biex hu jħajjar lil nies oħrajn jinvestu mill-enerġija tagħhom jew jappoġġjaw il-partit. 

‘La tajt u lanqas ridt nagħti appoġġ lil kandidat’

Inti tajt l-appoġġ lil xi wieħed miż-żewġ kandidati? 

“Le u la ridt u lanqas stajt,” jirrispondi l-President tal-PL kważi sorpriż li fil-fatt saritlu l-mistoqsija. 

“Jiena bħala President f’dan il-mument ridt nara li l-proċess isir b’mod organizzat u b’dinjità.  Ridt nara li l-affarijiet isiru b’mod trasparenti u ekwu. 

Huwa jgħid li hemm differenza bejn Ministru u President ta’ partit u rrimarka illi kieku hu appoġġja naħa ma kinitx tirrenja l-fiduċja fil-proċess. 

‘Il-kandidati marru fuq kull programm possibbli’

Qed issemmi l-proċess u l-gazzetta tirrimarka illi fid-dibattiti kien hemm kważi kontroll assolut u ordni biex ma jsirux dibattiti bejn iż-żewġ kontestanti, kuntrarjament għal dak li ġara f’tiġrija simili fil-PN.  Ma jaħsibx li din kienet deċiżjoni bla sens? Ma jaħsibx li allura l-proċess fil-PN kien aktar miftuħ?

Micallef ma jaqbel xejn ma’ dan u jirrimarka illi l-PN mhux l-aħjar eżempju meta nitkellmu dwar elezzjonijiet għal Kap ta’ partit. 

“Ma ġie maħnuq xejn…il-kandidati marru fuq kull programm possibbli. Ftit wara li għalqu n-nomini fil-fatt kienu fuq Dissett…”

Din il-gazzetta tirrimarka iżda kif dibattiti bejn iż-żewġ kandidati ma sarux. 

Micallef jirrikonoxxi u jfakkar li din kienet elezzjoni għal Mexxej Laburista.  “Jiddibatti mela, imma mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Jiena nifhem li għall-midja hija aktar intriganti li jsir dibattitu bejn iż-żewġ kandidati imma għall-partit dik ma kinitx prijorità,” sostna.

‘Il-ġurnalist għandu responsabbilità xi jġorr’

Il-gazzetta tirrimarka illi sar attakk fuq il-midja minn diversi attivisti rrabjati daqslikieku l-kriżi li l-pajjiż kien fiha kienet grazzi għall-midja indipendenti. 

Huwa jgħid li hemm ġurnalisti serji mbagħad hemm oħrajn li, skontu, jisparaw bl-addoċċ u lanqas jammettu li żbaljaw.

“Il-ġurnalist ukoll għandu responsabbilità xi jġorr,” jinsisti Daniel Josè Micallef. 

Għal ftit ħin huwa jitkellem dwar l-effett tal-midja u kif fl-aħħar snin rajna popli li jagħżlu mexxejja li l-midja tkun qed tgħid li huma ħżiena. Hu jsemmi lil Boris Johnson u Donald Trump, li ffaċċjaw u għadhom jiffaċċjaw kritika kbira mill-midja b’mod ġenerali.

Isemmi l-fatt illi nhar l-elezzjoni ta’ Mexxej ġdid kien hemm influss kbir ta’ midja, lokali u barranija, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ssegwi u tirrapporta. 

‘Assolutament ma naqbilx li Abela daħak bin-nies fuq il-kontinwità’

L-ILLUM tinnota ċerta sodisfazzjon fil-partit u lil hinn, speċjalment fost dawk il-floating voters li kienu voċiferi fuq fatti u stejjer marbutin mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sodisfazzjon illi l-affarijiet mixjin ’il quddiem u qed isiru bidliet li kienu ilhom biex isiru, anke jekk ċerti deċiżjonijiet dejqu mhux ftit lil bosta Laburisti, l-aktar il-pass ta’ konċiljazzjoni bejn Repubblika u Occupy Justice.

Minkejja dan, ma jħossx li Abela daħak xi ftit bin-nies, meta hu wiegħed il-kontinwità?

“Assolutament ma naqbilx. Jiddependi lejn liema angolu kont qed tħares lejn il-messaġġ ta’ Abela meta tkellem dwar il-kontinwità.”

Hu jisħaq li l-messaġġ tal-Prim Ministru kien ta’ kontinwità, filwaqt li għamel referenza għal fejn hemm bżonn bidla. Ifakkar li mhux biex issir imma illi huwa mistenni u ġust li l-PM jirriorganizza lill-Gvern kif l-aħjar illi jemmen hu. 

Micallef faħħar id-deċiżjoni ta’ Abela li jpoġġi lil Clyde Caruana bħala Chief of Staff u jfakkar illi kienu nies minn kull affiljazzjoni politika li faħħru din id-deċiżjoni. 

‘L-ewwel impressjoni tal-PM Abela hija pożittiva ħafna’

Il-gazzetta tistaqsi lil Micallef jagħti l-ewwel reazzjoni għall-ewwel ftit ġranet ta’ Abela bħala Prim Ministru. 

Ma ġie maħnuq xejn…il-kandidati marru fuq kull programm possibbli. Ftit wara li għalqu n-nomini fil-fatt kienu fuq Dissett

“Naħseb li l-ewwel impressjoni hija waħda pożittiva ħafna, anke l-mod kif aġixxa ma’ dawk li kienu fil-kamra tal-għadd tal-voti u kienu qed jappoġġjaw lil Fearne,” saħaq. 

Huwa qal li Abela wera kuraġġ politiku u sostna illi f’Abela qed jara kwalità essenzjali ta’ mexxej li jisma’ u jaġixxi fuq dak li jisma’. 

‘Partit ħaj u b’saħħtu’

Huwa temm isostni li l-partit ħa l-elezzjoni bis-serjetà u għamel kollox biex il-proċess ikun trasparenti. 

Ifakkar li l-organizzazzjoni mxiet fuq l-istess linji ta’ elezzjoni ġenerali b’rappreżentanti tal-kandidati f’kull kamra tal-vot u sistema elettronika li turik ir-riżultati u numri, live. 

“Din is-sistema nħadmet f’dawn il-ġimgħat. Aħna ridna nwasslu l-informazzzjoni f’real time. Kif kienet ibbażata s-sistema hija li ladarba jkunu vverifikati l-voti jittellgħu live,” spjega. 

Micallef temm isemmi l-persentaġġ ta’ nies li marru jivvutaw, 92.5%, persentaġġ li jsejjaħlu ‘eċċezzjonali’. 

“Dan huwa simbolu ta’ partit ħaj u b’saħħtu.”

Finalment, mistoqsi hux se jkun qed joħroġ għall-elezzjoni, Micallef ma tantx wera ħafna entużjasmu. 

“Il-karigi ma jagħmlux bija. Nibqa’ naħdem fil-Partit Laburista.”

More in Politika