Residenti Beltin ilhom 'il fuq minn sena jgħixu fil-periklu minħabba xogħol li qatt ma nbeda

Is-Sindku Belti jappella lill-Awtorità tad-Djar biex minnufih tieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir.

Residenti li jgħixu f’binja fuq in-naħa ta’ isfel ta’ Triq ir-Repubblika ilhom ‘il fuq minn sena jgħixu fil-periklu fejn lanqas jistgħu jiftħu tieqa fil-gallarija minħabba xogħlijiet li kellhom jibdew f’Novembru tal-2018 u li iżda baqgħu qatt ma bdew.

Uħud mir-residenti ilmentaw mal-Kunsill Lokali Belti li għamlu diversi rapporti mal-Awtorità tad-Djar biex jirrapportaw ħsarat f’diversi gallariji fil-binja fejn jgħixu, tant li mhux l-ewwel darba li waqqgħu biċċiet minnhom, minn għoli ta’ madwar sitt sulari.

F’Novembru tal-2018 kien tpoġġa scaffolding biex jibda x-xogħol iżda sal-lum dan għadu qatt ma beda.

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Belt saħaq li r-residenti ilhom ‘il fuq minn sena jgħixu f’din is-sitwazzjoni, b’uħud lanqas jistgħu jiftħu tieqa minħabba l-iscaffolding. Ilmentaw ukoll li kemm-il darba kellhom iċemplu għall-għajnuna tal-Pulizija biex jevitaw serq għax ħallelin ipprovaw jitilgħu mal-iscaffolding biex jisirqu.

B’reazzjoni għal dan, is-Sindku tal-Belt Kapitali, Alfred Zammit saħaq li din is-sitwazzjoni hija inaċċettabbli u appella lill-Awtorità tad-djar biex minnufih tieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir.

Insista li l-istess scaffolding mhux biss huwa ta’ inkonvenjent għar-residenti tal-binja iżda anker għar-residenti oħra u dawk li jżuru l-Belt Valletta.

Fil-fatt, l-iscaffolding ilu ‘l fuq minn sena jieħu post tmien parkeġġi riservati għar-residenti.

More in Politika