Il-Kap taċ-Ċivil ilu minn żmien Fenech Adami jservi bħala s-segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà

Mario Cutajar iwieġeb għal dak li ntqal ilbieraħ waqt l-inkjesta pubblika u jisħaq li l-Kap taċ-Ċivil ilu mill-2001 iservi bħala s-Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà

 

L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, wieġeb għal dak li ntqal ilbieraħ waqt waqt is-smigħ tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kif Mario Cutajar ipoġġi fuq il-Kumitat tas-Sigurtà.

Fi stqarrija ntqal li l-Kap taċ-Ċivil u s-Segretarju tal-Kabinett ilu jservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà sa mis-sena 2001 fuq nomina u approvazzjoni tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami.

Ġie spjegat kif mill-2001 sal-2004, il-Kap taċ-Ċivil ta’ dak iż-żmien is-Sur JR Grima kien iservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà. Bejn l-2004 u l-2013, il-Kap taċ-Ċivil ta’ dak iż-żmien Dr Godwin Grima kien iservi bħala Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà.

Mill-2013 ’l hawn, il-Kap taċ-Ċivil preżenti Mario Cutajar assuma l-pożizzjoni ta’ Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà u f’kull seduta li attenda għaliha dejjem kien preżenti l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Ippubblika wkoll il-minuta li permezz tagħha l-Prim Ministru Fenech Adami fl-2001 approva li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li allura kien il-Kap taċ-Ċivil, ikun is-Segretarju tal-Kumitat tas-Sigurtà. 

“Minn dakinhar ’il hawn il-Kap taċ-Ċivil dejjem serva bħala Segretarju tal-istess Kumitat tas-Sigurtà,” saħaq Cutajar.

More in Politika