‘Diskors li jagħmel għajb għall-PM tax-xellug’ – L-ILLUM tistaqsi dwar il-kummenti tal-PM fuq il-living wage

Wara li l-Prim Ministru ma kkomettiex ruħu dwar l-introduzzjoni tal-living wage, l-ILLUM titkellem mal-Alleanza Kontra l-Faqar, il-Moviment Graffitti, il-UĦM u l-GWU

Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela mhux jikkommetti ruħu li jkun introdott il-kunċett tal-living wage jew il-living income minflok il-mekkaniżmu tal-COLA, kemm l-Alleanza Kontra l-Faqar, Moviment Graffitti u anke ż-żewġ unjins ewlenin li jirrappreżentaw lill-ħaddiema saħqu mal-gazzetta ILLUM li se jibqgħu jaħdmu biex jikkonvinċu lill-Prim Ministru biex ibiddel il-fehma tiegħu.

Ftit jiem wara li tħabbar il-Baġit, f’Novembru li għadda, din il-gazzetta tkellmet kemm mal-Alleanza Kontra l-Faqar li qed tisħaq dwar l-introduzzjoni tal-living income u anke mal-Unjin Ħaddiema Magħqudin u mal-General Workers Union li qed jitkellmu fuq il-bżonn li ssir diskussjoni dwar ir-riga li biha tkun ikkalkulata ż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jiġifieri l-COLA u jekk wasalx iż-żmien li din tingħata l-ġenb u minflok ikun introdott il-kunċett tal-living wage jew income.

Madanakollu, waqt il-programm Dissett ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, meta mistoqsi dwar jekk wasalx iż-żmien li jikkometti ruħu dwar l-introduzzjoni tal-living wage, il-Prim Ministru Abela wieġeb hekk: “Nixtieq inwieġbek iva; ħafna nixtieq inwieġbek iva; iżda ma nkunx realistiku.”

Abela qal biss li huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-pagi u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin iżda saħaq li jekk jikkommetti ruħu fuq il-living wage jkun qed jikkommetti lilu nnifsu fuq xi ħaġa, li fi kliemu: “b’mod tanġibbli ma nistax nagħmilha. Ma tkunx sostenibbli.”

Kompla jisħaq li anke jekk ’il quddiem jista’ jkun li l-kunċett ta’ living wage jkun implimentat,  għalissa jikkommetti ruħu biss li  jimplimenta u jassigura li jkun hawn l-istess ħlas għall-istess xogħol.

Dwar dawn il-kummenti, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ dawk li ilhom jinsistu li għandha ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA jew saħansitra jingħata l-ġenb u jkunu introdotti mekkaniżmi ġodda.

‘Nistiednu lill-PM il-ġdid jifhem kemm hu żbaljat’ – Alleanza Kontra l-Faqar

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Matthew Borg, mill-Alleanza Kontra l-Faqar li qed tikkampanja favur l-introduzzjoni tal-living income (mhux wage) saħqet li ma tistax taqbel mal-Prim Ministru meta jgħid li dawn il-kunċetti mhux prattiċi u mhux sostenibbli.

“Il-Living Income tista’ tiġi kkalkulata xjentifikament u allura tista’ tiġi applikata bil-għaqal u fit-tul ta’ snin biex minflok xokk ikun hemm proċess gradwali ta’ titjib fl-ekonomija,” insista Borg.

Kien għalhekk li wara dawn il-kummenti, l-Alleanza qed tappella lill-Prim Ministru biex ikun proattiv u “ma jagħlaqx il-bieb għat-triq li twassal biex l-ekonomija tissaħħaħ u timxi ’l quddiem billi kulħadd jimxi ’l quddiem.”

“Nistednuh ukoll biex iwarrab l-idea qadima li l-ħaddiem igawdi biss jekk igawdi min iħaddmu: it-trickle down ma ġabitx titjib reali fil-qagħda tal-vulnerabbli, la Malta u lanqas imkien, u nistednuh ifittex dwar it-trickle up economics,” insista Borg. 

Kien hawn li kkritika l-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista meta Abela qal li se jassigura li n-negozji jagħmlu l-profitti imma biex jaħsbu fil-ħaddiema.

Skont Borg, b’dan l-argument, Abela ta x’jifhem li issa “m’għadhiex prerogattiva tal-Gvern xellugi li jieħu ħsieb il-ħaddiema, iżda tan-negozjanti.

“Nistiednu lill-PM il-ġdid jifhem kemm hu żbaljat dan l-argument. Il-qagħda tal-ħaddiem titjieb anke bil-politika tal-Gvern u mhux inħallu f’idejn min iħaddmu biex jiddisponi kif jaqbillu,” insista Borg.

Fil-kummenti tiegħu mal-ILLUM, Matthew Borg insista li l-argument li bil-living income tbati l-ekonomija jew in-negozjanti ma jreġix, għax fi kliemu, l-ekonomija ma timxix biss bil-profitti u l-investiment tan-negozjanti, iżda anke bil-konsum tal-individwi.

“Bħalissa hemm 80,000 persuna fir-riskju tal-faqar u elf oħra fil-faqar: kieku dawn ikollhom dħul biżżejjed ikunu jistgħu jidħlu fir-rota ekonomika u jikkontribwixxu. Is-sitwazzjoni preżenti hi inġusta u diskriminatorja: ekonomija li tistrieħ biss fuq in-negozji - il-ħaddiem u l-individwu dejjem of second class,” kompla Borg. “Dan huwa diskors li jagħmel għajb għal PM tax-xellug.”

Saħaq li wasal iż-żmien li l-pajjiż jagħti valur għas-surplus ekonomiku li għandna. “Jekk mhuwiex il-waqt li niddiskutu l-living income issa li hemm is-surplus, meta meta huwa l-waqt, meta jkollna defiċit?” staqsa Borg. “Nagħtu valur lis-surplus ekonomiku billi ninvestu f’min hu vulnerabbli.”

“Living Income tnaqqas l-inugwaljanza bejn min jaqlagħha u jgħix ħażin xorta waħda u min jaqlagħha u jgħix komdu. It-tnaqqis tal-inugwaljanza jħejjilek it-triq għal aktar effiċjenza u produttività fl-ekonomija ... ejjew ma nibqgħux naħsbu fuq kif se ntejbu l-qagħda tal-ħaddiem billi naħsbu l-ewwel u esklussivament f’min jimpjegah,” tenna. 

Temm jisħaq u jappella biex il-Prim Ministru jinfetaħ għad-diskussjoni dwar dan il-kunċett tant importanti.

“Il-faqar trid tgħixu, u tirrealizza kemm trid toqgħod attent meta titkellem fuqu. Għax il-faqar għal xi wħud aħjar il-mewt minnu,” temm Borg.

‘Xogħolna huwa li nikkonvinċu lill-PM’ – Josef Vella UĦM

F’Novembru li għadda, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM saħaq mal-ILLUM li jeħtieġ jiġi rivedut il-mekkaniżmu wara l-COLA jew inkella tinstab alternattiva għalih, li tista’ tinkludi l-Living Wage.

Mistoqsi jekk il-kummenti tal-PM jaqtgħux qalb il-unjin li xi darba jidħol dan il-kunċett f’Malta, Vella wieġeb fin-negattiv, anzi saħaq li xogħol il-unjin huwa li tikkonvinċi lill-Gvern biex jimplimenta bidliet.

Fil-fatt, Vella żvela mal-ILLUM kif fil-ġimgħat li ġejjin, grupp ta’ ekonomisti se jkunu qed jippreżentaw rapport xjentifiku dwar il-kunċett tal-living wage lill-Bord Eżekuttiv tal-UĦM.

Insista li l-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jipprovdi pożizzjoni aktar xjentifika lill-unjin fuq dan il-kunċett biex tkun tista’ tibni aħjar l-argumenti tagħha.

Vella saħaq li l-Prim Ministru ma għalaqx il-bibien kompletament u għalhekk insista li wara li tistudja dan ir-rapport, il-UĦM se tkun lesta li tiddiskuti mal-Prim Ministru.

Mill-banda l-oħra, Josef Vella faħħar il-kummenti tal-Prim Ministru meta tkellem dwar il-ħlas indaqs għax-xogħol tal-istess valur.

“Jiena naqbel li l-prinċipju tal-ħlas ugwali għall-istess xogħol għandu jieħu preċedent,” insista Vella waqt li fakkar fin-numru ta’ każijiet il-Qorti li għandha l-UĦM dwar dan. 

‘Jekk l-ekonomija sejra tajjeb għaliex ma jistax ikollna dħul diċenti?’ – Andre Callus

Andre Callus f’isem il-Moviment Graffitti, li bħall-Alleanza Kontra l-Faqar jaqblu mal-living income, insista li huwa dritt ta’ kull persuna li jkollha dħul biex tgħix ħajja diċenti.

“Jekk ma nilħqux dak l-għan inutli ngħidu li l-ekonomija sejra tajjeb,” saħaq Callus.

Kien hawn li saħaq li hija kontradizzjoni kbira li filwaqt li l-pajjiż jiftaħar b’ekonomija li sejra tajjeb, fl-istess waqt jgħid li ma jistax jassigura dħul diċenti għal kulħadd.

“Mela allura l-ekonomija mhux sejra tajjeb daqs kemm qed ngħidu,” saħaq Callus. 

Filwaqt li saħaq li jittama li l-Prim Ministru jbiddel il-fehma tiegħu dwar dan, insista li hemm proċess li jrid isir u l-Moviment Graffitti lest li jikkampanja favur il-living income u jżid l-għarfien dwar dan il-kunċett.

“Nemmen li l-Prim Ministru se jkun miftuħ għad-diskussjoni,” saħaq Callus.

Callus, iżda, insista wkoll li hemm ħafna x’jista’ jsir qabel l-introduzzjoni tal-living income, fosthom li togħla l-paga minima għax fi kliemu l-paga minima mhux vera għoliet taħt il-kabinett preċendenti. Insista li ntlaħaq biss qbil li wara sentejn taħdem fuq paga minima din togħla bi ftit.

“Iżda l-paga li biha dħalt taħdem baqgħet baxxa,” insista Callus. “Kif togħla l-paga minima awtomatikament jogħlew il-pagi baxxi wkoll.”

Madanakollu insista li togħla kemm togħla, din qatt ma tista’ tlaħħaq il-living income u għalhekk appella biex id-diskussjoni dwar dan il-kunċett ma jiqafx.

‘Qed naħdmu flimkien fuq studju dwar il-living income’ – Josef Bugeja

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja insista li anke l-GWU qed tħares lejn il-kunċett tal-living income u fil-fatt, flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Graffitti qed jaħdmu fuq studju professjonali li jiddefinixxi u jikkalkula x’inhu l-living income għal diversi tipi ta’ familji f’Malta.

“Żgur li nemmnu f’dan il-kunċett u għaldaqstant nemmnu wkoll li għandu jkun hawn diskussjoni sħiħbiex niddefinixxu u nikkalkulaw x’inhu living income, kemm hawn nies li għandhom dħul baxx, x’tip ta’servizzi għandhom aċċess, xi impatt ser tħalli din l-introduzzjoni...” saħaq Bugeja.

Spjega mal-ILLUM li l-unjin dejjem kienet konxja li l-introduzzjoni tal-living wage jew income mhix se tkun f’daqqa minħabba l-impatt li jista’ jkun hemm fuq is-suq tax-xogħol u l-finanzi tal-pajjiż.

“Nemmnu li bħala soċjetà għandna naħdmu biex tkun il-mira tagħhna u tiġi implimentata fuq medda ta’ snin,” insista Bugeja. “Matul dawn is-snin dejjem sħaqna dwar il-ħtieġa li ħadd ma għandu jaqa’ lura u l-ġid li qegħdin noħolqu għandu jinfirex u jinqasam fuq aktar nies.”

Mistoqsi dwar il-kummenti tal-Prim Ministru Bugeja saħaq li matul il-kampanja tiegħu, Robert Abela għamel it-tema tal-kwalità tal-ħajja tal-Maltin bħala waħda mill-punti prinċipali.

Għalhekk insista li kien tagħmel dejjem, il-GWU se tkompli tiddiskuti mal-Gvern u l-Prim Ministru biex ikunu diskussi t-temi li huma meħtieġa biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, fosthom iż-żieda fil-paga minima, il-kampanja dwar ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur u oħrajn.

X’inhi d-differenza bejn living wage u living income?

Il-kunċett tal-living income qed ikun imbuttat l-aktar ’il quddiem mill-Alleanza Kontra l-Faqar. L-Alleanza qed tisħaq li l-mekkaniżmu tal-COLA (li jikkalkula ż-żieda għall-għoli tal-ħajja) huwa inġust ma’ dawk bi dħul baxx għax titfa’ lil kulħadd f’keffa waħda, jiġifieri kemm is-sinjur u anke l-fqir jieħdu l-istess żieda.

Fi kliem sempliċi, il-Living Income huwa dak id-dħul minimu li persuna f’Malta jkollha bżonn biex tgħix ħajja diċenti. 

Id-differenza bejn iż-żewġ kunċetti hija żgħira. Kemm il-living income u anke l-living wage jistabbilixxu dħul minimu għal ħajja diċenti. L-uniku differenza hija li l-kunċett tal-living income jiġbor fih lil kulħadd (inkluż pensjonanti u dak li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jaħdmu), filwaqt li l-living wage jiffoka biss fuq il-ħaddiema, jiġifieri dawk li għandhom paga. 

More in Politika