Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kien ikun preżenti għal-laqgħat tal-Kumitat tas-Sigurtà

Dan minkejja li fil-liġi mkien ma hemm imsemmi li dan għandu jkun preżenti fuq dan il-Kumitat

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar kien ikun preżenti għal-laqgħat tal-Kumitat dwar is-Sigurtà.

Dan kien żvelat illum hekk kif kompliet tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizia.

Il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà, Joseph Bugeja, saħaq li l-Kumitat dwar is-Sigurtà huwa magħmul mill-Prim Ministru, il-Ministru għall-Intern, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Kien hawn li Therese Commodini Cachia, l-avukat tal-familja Caruana Galizia, talbitu jikkjarifika jekk l-eks Ministru għall-Intern Carmelo Abela u Mario Cutajar kinux membri tal-Kumitat.

Bugeja wieġeb fil-pożittiv u li l-Kumitat tas-Sigurtà jiltaqa’ minn tal-inqas darba fis-sena.

“Qed tgħidli li Mario Cutajar kien ikun preżenti għal-laqgħat ta’ aġġornamenti?” kompla jistaqsi Jason Azzopardi li wkoll qed jidher għall-familja.

Il-Liġi dwar il-Kumitat tas-Sigurtà
Il-Liġi dwar il-Kumitat tas-Sigurtà

“Mhux għall-aġġornamenti ... għal-laqgħat tal-Kumitat tas-Sigurtà,” wieġeb Bugeja.

Azzopardi insista miegħu li Cutajar ma jmissu qatt kien preżenti.

Skont l-Att dar is-Servizzi tas-Sigurtà, li jirregola l-kumitat: “għandu jkun hemm Kumitat, imsejjaħ Kumitat tas-Sigurtà, li jeżamina n-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika tas-Servizz tas-Sigurtà ... u li dan għandu jikkonsisti mill-Prim Ministru, il-Ministru, il-Ministru responsabbli mill-Affarijiet Barranin u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Imkien fil-liġi ma jissemma s-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Il-kumplament tal-inkjesta kompliet wara l-bibien magħluqa.

Aqra wkoll dak li ntqal fl-aħħar smigħ tal-inkjesta pubblika

More in Politika