Rapporti li Keith Schembri ħalla Malta għal Tuneż

L-istess rapporti qed jisħqu li f'Tuneż ukoll hemm Neville Gafa

Rapporti qed jisħqu li l-eks Chief of Staff ta' Joseph Muscat, Keith Schembri, ħalla Malta għal Tuneż.

Kien id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li kiteb dan fuq Facebook waqt li saħaq li Tuneż ukoll hemm Neville Gafa, persuna viċin ħafna ta' Schembri.

Skont The Times of Malta, Schembri, li fil-Qorti kien ħareġ li qed ikun investigat dwar "omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra,' ħalla Malta għal Tuneż fejn hemm ukoll Gafa u anke persuna oħra li kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Sorsi li tkellmu ma' dan is-sit spjegaw kif jista' jkun li Tuneż mhijiex l-aħħar destinazzjoni la ta' Schembri u lanqas ta' Gafa hekk jista' jkun li niżlu Tuneż biex minn hemm imorru l-Libja.

Keith Schembri kien irriżenja minn Chief of Staff wara li kien ġie arrestat u mistoqsi mill-Pulizija dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u dan wara li implikat Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-assassinju. 

Fil-Qorti kien ħareġ ukoll li Keith Schembri kien qal lill-Pulizija li tilef il-mowbajl u għalhekk il-Pulizija ma setatx tinvestiga l-kontenut, anke jekk Schembri stess kien ikkonferma li kien ikkomunika ma' Fenech ftit qabel ma pprova jħalli Malta bil-jott tiegħu.

More in Politika