Għadek ma ddeċidejtx? Robert Abela u Chris Fearne ... fejn huma b'saħħithom u fejn le

It-tnejn tajbin. Imma mhux it-tnejn tajbin f'kollox. Fhiex huma b'saħħithom Fearne u Abela? U fhiex le? L-aħjar u l-agħar tal-PM li jmiss ...

Għandek il-vot u għadek ma ddeċidejtx lil min se tivvota? M'għandekx vot imma xorta għadek ma ddeċidejtx min kapaċi jkun l-aħjar Prim Ministru bejn Robert Abela u Chris Fearne? 

Dan is-sit qed jagħti ħarsa lejn l-aktar punti b'saħħithom u l-akbar dgħjufijiet tal-kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista. 

Chris Fearne - Il-pożittiv

  1. Definittivament illi Fearne għandu l-esperjenza u huwa meqjus bħala politiku rett u serju li ma jħallix u ma jippermettix il-laxkezza u l-immoralità li waslet għas-sitwazzjoni li spiċċa fiha Gvern Laburista fl-aħħar xhur. Naturalment dan huwa tajjeb, għax id-dixxiplina hija tajba. Pero mhux kulħadd iħobb ir-rettezza u d-dixxiplina. B'sistema retta, ġustament, jekk ma ħaqqekx ma tiħux u m'hemmx ħniena ma' min jiżbalja bl-ikrah
  2. Fearne għandu programm aħjar minn Robert Abela. Aktar avventuruż u jwiegħed aktar bidliet. Għalhekk bejn it-tnejn Fearne jista' jitqies aktar bħala l-kandidat tal-bidla. Fearne jwiegħed li l-Kummissarju Lawrence Cutajar jitneħħa (jekk ma jiksibx żewġ terzi tal-voti tad-Deputati) u li kull Kummissarju jkun elett b'dan il-mod. L-istess jgħodd għall-avukat ġenerali. Fearne qed iwiegħed li jneħħi u jbiddel l-iskema ta' ċittadinanza
  3. Chris Fearne huwa aktar Prim Ministerjali, fis-sens li diġa kien Deputat Prim Ministru u allura jaf, xi ftit jew wisq kif jaħdem il-Gvern. Dan ifisser li huwa meqjus bħala kandidat li għandu aktar esperjenza minn Abela. 

Robert Abela - Il-pożittiv

  1. Żgur li mit-tnejn Robert Abela għandu l-aqwa immaġini. Huwa politiku kariżmatiku ħafna, meqjus bħala politiku qrib in-nies u definittivament konvinċenti. Huwa ħafna aħjar minn Fearne fl-oratrija, xi ħaġa kruċjali jekk Mexxej ġdid irid jiġbed lejh il-mases. Politiċi neqsin mill-kariżma u l-arti tal-persważjoni dejjem batew biex attiraw maġġoranzi bħal dawk li kiseb Joseph Muscat.
  2. Abela definttivament li rnexxielu ħafna aktar minn Fearne jikkonvinċi lill-Laburisti li mhux kollox ħażin u mitluf u l-partit ma sofriex traġedji kbar, minkejja li għadda minn burraxka. Filwaqt li dan it-tip ta' lingwaġġ donnu fih livell ta' eskejpiżmu, ma jinżilx tajjeb ma' ħafna votanti 'middle-ground; u jista' allura jagħmel iktar ħsara milli ġid fit-tul, definittivament jirrifletti ħafna aktar il-ħsieb u s-sentiment ta' ħafna Laburisti li għadhom jirrispettaw u jħobbu lil Joseph Muscat. Din il-kawtela fin-narattiva tagħmel lil Robert, iktar milli Fearne, il-kandidat tal-kontinwità. 
  3. Abela rnexxielu jagħfas dawk il-buttuni l-aktar li jagħmlu effett mal-Laburisti. Kien iktar riskjuż u b'saħħtu fil-konfront tal-familja Caruana Galizia u sostna li hu mhux se jagħmel apoloġiji. Fetaħ il-kanuni fuq il-PBS u l-bżonn ta' riforma u allura l-bżonn li jitneħħew nies bħal Anton Attard li jingħad li għad għandhom ċerta saħħa fil-PBS. Anke jekk ma jgħidx eżatt kif, Abela jaqla' ħafna ċapċip meta jsemmi din ir-riforma. Jattakka l-media indipendenti, istituzzjoni li kixfet u kkritikat, ġustament lill-PL, iżda li ħafna Laburisti jħossu li kienet inġusta jekk mhux qarrieqa u dizonesta ma' Muscat

Chris Fearne - In-negattiv

  1. Fearne m'għandux komunikattiva tajba. Id-diskorsi tiegħu huma ġeneralment sentenzi rrelatati wisq b'ton pjuttost monotonu. Minkejja titjib f'dan il-kampanja, l-abbilitajiet fl-oratrija tiegħu huma batuti u diskors ma jilħaqx apiċe bħal ma kienu jilħqu tajjeb tant politiċi bħal Eddie Fenech Adami, Dom Mintoff u Joseph Muscat. Naturalment din hija xi ħaġa li tista' titjieb, għalkemm mhux neċessarjament
  2. Żball li għamel Fearne huwa li ma baqax iffukat biżżejjed u kważi esklussivament fuq il-kampanja tiegħu u f'dawn l-aħħar jiem kważi sar reattiv. Beda jsemmi ħafna l-kontinwità, meta din kienet tappa ta' Abela u meta l-vantaġġ tiegħu kienet il-bidla. Ma baqax iffukat biżżejjed fuq il-proposti tiegħu u fuq il-bżonn li hu jkun differenti mhux l-istess u jinħass, f'xi mumenti, li donnu qed jirreaġixxi għall-aġenda ta' Abela jekk mhux isegwiha wkoll
  3. Li tkun kunfidenti li se tirbaħ hija tajba. Imma meta jinħass li hemm wisq kunfidenza, tant li diġa ppreparajt reception wara l-elezzjoni (u tgħidha) titrażmetti sens ta' arroganza u prepotenza. Din iddejjaq lin-nies u timbuttahom, għax in-nies, speċjalment il-Laburist iħobb u jfittex l-umiltà - fost affarijiet oħrajn - fil-Mexxej tiegħu

Robert Abela  - In-negattiv

  1. Robert Abela ma rajnihx fl-azzjoni f'Ministeru u allura huwa relattivament ġdid u kaxxa magħluqa fir-rigward ta' kif se jaġixxi, per eżempju, taħt pressjoni kbira. Jew inkella x'jagħmel jekk ikollu każi ta' korruzzjoni jew kunflitt ta' interess fuq idejh. Jiġifieri, prima facie, huwa riskju akbar minn Fearne. Bħal kull riskju, jista' jħallilek ħafna frott jew ifallik!
  2. Abela qed jappella għal Laburist imma xi kultant donnu jinsa li jekk elett se jkun Prim Ministru tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Il-botti ripetuti lejn min qed jipprotesta, lejn il-midja indipendenti u lejn dawk kollha li mhumiex Laburisti, tagħtik l-impressjoni li mhux dieħel għal din il-kariga b'xi sens konċiljatorju
  3. Ħafna membri tal-kabinett ħarġu għonqhom għal Fearne. Dan ifisser li hu se jkollu jimmanuvra u jaħdem aktar biex jirbaħ il-lealtà assoluta u kompleta ta' dawk in-nies li jrid jaħdem magħhom kuljum, li jfisser li se jkollu biċċa xogħol akbar biex jaċċerta li l-Labour ma jiġrilux bħall-Partit Nazzjonalista

More in Politika