L-MGA tfaqqa' multa ta' €2.3 miljun lil kumpanija tal-gaming li kienet qed topera illegalment

L-akbar multa li qatt tat l-MGA ... Silvio Schembri jgħid li dan huwa sinjal ċar li l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu b’mod diliġenti, effiċjenti u effettiv.

Heathcliff Farrugia, Chairman Eżekuttiv tal-MGA
Heathcliff Farrugia, Chairman Eżekuttiv tal-MGA

Blackrock Media Limited intalbet tħallas multa ta' €2.34 miljun talli opera servizz ta' gaming mingħajr ma kellha l-awtorizzazzjoni neċessarja.  Din il-multa, l-ikbar tat-tip tagħha, inħarġet mill-Malta Gaming Authority (MGA).

Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li dan huwa sinjal ċar li l-istituzzjonijiet tagħna qed jaħdmu u qed ikunu effettivi fl-operat.

“Dan huwa sinjal ċar li l-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu b’mod diliġenti, effiċjenti u effettiv. Huwa nnutat kif din hija l-ogħla multa maħruġa mill-Awtorità Maltija għal-Logħob u dan juri biċ-ċar il-kredibilità u s-serjetà li l-awtorità topera bihom sabiex tissalvagwardja r-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija f’dan is-settur”, qalSchembri.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li dan ir-riżultat kien possibli permezz tax-xogħol professjonali li sar b’ħidma konġunta bejn l-Awtorità Maltija għal-Logħob u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

“Dan ir-riżultat huwa xhieda li l-Gvern Malti huwa kommess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li tressqu s-sena li għaddiet mir-rapport tal-MONEYVAL u fit-tisħiħ tal-miżuri li ttieħdu sa issa mill-amministrazzjoni attwali. L-industrija tal-logħob hija element importanti għall-ekonomija tagħna u għalhekk irridu nkomplu sabiex nassiguraw li l-ġurisdizzjoni tagħna tkompli televa ‘l fuq u żżomm it-titlu ta’ ‘home for gaming excellence’. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jkabbar din l-industrija li se tkompli tikber fis-snin li ġejjin”, temm jgħid Schembri.

More in Politika