Bondi jiċħad li għandu sehem fil-kampanja ta' Fearne wara battibekki bejn attivisti Laburisti

Lou Bondi jirrispondi lis-sit illum.com.mt wara battibekki dalgħodu bejn Alison Zerafa Civelli u Paula Cauchi u jiċħad kategorikament li hu għandu xi sehem fil-kampanja ta' Chris Fearne

Lou Bondi
Lou Bondi

It-tensjoni ftit jiem qabel l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Mexxej ġdid tal-Partit Laburista jidher li qed tgħolli rasha hekk kif issa anke s-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli li tiġi oħt Lydia Abela, il-mara ta’ Robert Abela, spiċċat b’battibekk fuq Facebook ma’ Paula Cauchi li taħdem fl-uffiċċju tal-kommunikazzjoni ta’ Chris Fearne. 

Il-battibekk beda meta Alison Zerafa Civelli akkużat “preżentatur eks Nazzjonalist tal-PBS” li kkwota intervisti "skaduti" li ilhom ħafna li saru "filwaqt li jilgħab noli."

Dan il-post kien interpretat li qed jagħmel referenza għal Lou Bondi u li qed jingħad minn bosta persuni fil-Partit Laburista li qed jappoġġja u jagħti sehem fil-kampanja ta’ Chris Fearne.

Minkejja dan, għall-mistoqsija tal-illum.com.mt, l-eks preżentatur tal-WE Media Lou Bondi ċaħad kategorikament din l-akkuża. Dan is-sit staqsa lil Bondi jekk hu jew kumpanija tal-PR tiegħu humiex involuti fil-kampanja ta' Fearne.

Bondi sostna li lil Chris Fearne "ilni nafu snin twal. Imma, le m’inix nagħti s-servizzi tiegħi lill-kampanja tiegħu." Bondi ċċara wkoll li hu jopera bħala self employed u allura m’għandux kumpanija tar-relazzjonijiet pubbliċi. 

Intant għall-kumment ta' Civelli Paula Cauchi, avukata u eks ġurnalista ta’ One News, akkużat lil Zerafa Civelli li qed ixxerred aħbarijiet foloz.

Ir-risposta ta' Lou Bondi lil dan is-sit
Ir-risposta ta' Lou Bondi lil dan is-sit

“Dawn ix-xniegħat huma gidba totali” kitbet Cauchi. Insistiet li tifhem li jkun hemm min jemminhom jew jistaqsi dwarhom iżda saħqet li ma tistennix li jkun hemm persuni viċin kandidat li jkomplu jxandru dawn ix-xniegħat. “Nistenna ħafna aħjar minnek,” qaltilha.

Zerafa Civelli ma waqfitx hemm u qaltilha li kitbet fuq il-paġna tagħha u għalhekk għandha dritt tikteb dak li trid. Qaltilha li kien imissha waqqfet lin-nies tagħha milli jxerrdu ritratti u filmati li jiżgwidaw. (Mhux magħruf għal-liema ritratti u filmati kienet qed tirreferi).

Cauchi reġgħet weġbitha: "Jien ma nagħtix struzzjonijiet biex joħorġu n-nies u t-trolls jirrepetu l-istess sentenza, bħalkom."

Zerafa Civelli twieġeb mill-ġdid u titlob lil Cauci biex tieqaf tuża l-paġna tagħha biex ixxerred il-biża’.

Fid-diskussjoni daħlu wkoll diversi attivisti tal-Partit Laburista u anke membri li se jkunu qed jivvotaw nhar is-Sibt. 

It-tensjoni żdiedet fl-aħħar jiem, l-aktar meta Abela ressaq ilment formali quddiem il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista biex jitlob investigazzjoni dwar allegazjoni ta’ tbagħbis fil-lista tal-votanti, allegazzjoni li l-PL ċaħad.

Diversi ministri, partikolarment Ian Borg u Owen Bonnici kienu kkritikati wkoll apertament minn għadd ta’ Laburisti għall-fatt li qed jappoġġjaw lil Chris Fearne u jidhru u jitkellmu fl-attivitajiet tiegħu biss. 

More in Politika