22 raġel akkużati b'rewwixta, theddid u vjolenza fiċ-ċentru ta' detenzjoni

Skont l-istqarrija tal-pulizija, intqal li nstabu numru ta' irġiel lebsin maskli, ikissru l-ħitan, jaqilgħu ġebel u jarmuhom lejn l-uffiċjali

22 raġel mill-Alġerija, Chad, Ghana, Sudan, Guinea tresqu quddiem il-Qorti akkużati b'reati marbutin ma' rewwixti fiċ-ċentru ta' detenzjoni f'Ħal Safi. 

Il-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit (RIU) u l-pulizija tal-għassa taż-Żurrieq kienu notifikati madwar is-7:30 p.m ta' nhar it-Tnejn u immedjatament marru fuq il-post. Skont l-istqarrija tal-pulizija, intqal li nstabu numru ta' irġiel lebsin maskli, ikissru l-ħitan, jaqilgħu ġebel u jarmuhom lejn l-uffiċjali. Kissru wkoll dormitorju u kamra wżata mill-uffiċjali ta' detenzjoni.

L-irġiel kienu akkużati illi insultaw u heddu kif ukoll irreżistew lill-uffiċjali ta' detenzjoni. Huma kienu akkużati wkoll illi kienu parti minn rewwixta, b'konspirazija biex jitwettaq att kriminali, ħsara, ksur ta' paċi pubblika u li tefgħu ġebel lejn proprjetà privata. 

L-irġiel kienu assistiti  minn żewġ interpreti, wieħed għal dawk li jitkellmu l-Għarbi u oħrajn bil-Franċiż. 

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest. 

More in Politika