Għamel progress b’enfażi qawwija fuq il-kontinwità. Ġejja xi sorpriża?

Kellu bidu fjakk fil-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Laburista. Iżda donnu pprogressa malajr bl-għajta tal-kontinwità. Il-Laburisti xi jridu? Iridu xi ħadd li se jassigura l-kontinwità jew bidla ħafna akbar?

Robert Abela
Robert Abela

Robert Abela. Iktar kemm bdew jgħaddu l-ġranet iktar beda joħroġ fid-dieher li Abela jrid joffri grad ta’ kontinwità ħafna ogħla mill-kandidat l-ieħor Chris Fearne. 

F’analiżi f’din il-gazzetta konna rrimarkajna, kmieni fil-kampanja, illi kien qed jirriżultalna proprju dan. Filfatt dan irriżulta tant li quddiem folla numeruża u kollha entużjażmu Abela qalha ċara: “M’hemmx bżonn terremoti... iva jiena l-kandidat tal-kontinwità... riċetta li taħdem ma tibdilhiex. Ma jfissirx li għax tkun kandidat tal-kontinwità ma tiħux deċiżjonijiet... mhux bidu ġdid irridu imma faċċata ġdida. Paġna ġdida fi ktieb, mhux ktieb ġdid.” 

Il-kontinwità: il-karta li se twasslu għar-rebħa? 

Abela ma jistax ikun ċar iktar minn hekk. 

Il-mistoqsija tibqa’: għalfejn qed jagħmel tant enfażi fuq il-kontinwità – fuq kontinwità minn sitwazzjoni li, wara kollox, ġabet tant u tant għawġ fil-pajjiż? 

Ejja nibdew mill-ħsieb. Hija realtà li niżlet u qed tinfthiem minn bosta – anke minn ħafna votanti Laburisti – li filwaqt li l-partit dabbar tumakka nobis u ħa daqqa lura, kollox ma’ kollox ħafna affarijiet kienu sejrin tajjeb. Meta tistaqsi lin-nies issib li hawn qbil ġenerali dwar l-andament ekonomiku pożittiv tal-pajjiż, il-qgħad, ir-ritmu tan-negozju, id-drittijiet ċivili u diversi kwistjonijiet oħrajn. 

Dan ifisser li minkejja r-rabja u l-weġgħa minħabba ċerti kumpaniji dubjużi li nfetħu minn xi talin, it-tixħim u l-implikazzjonijiet gravi tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ħafna jirrealizzaw ukoll li sar ħafna ġid, li ddaħħlu miżuri fiskali maħsubin tajjeb u li daħlu wkoll fis-seħħ liġijiet li fil-pajjiż konna ilna nistennew u niddiskutu. 

Terġa’ u tgħid, għal ħafna votanti Laburisti l-era ta’ Muscat fissret l-ikbar rebħiet elettorali li qatt rebaħ il-Partit wara li kien ilu ma jikseb maġġoranza mill-1996 u wara li kien ilu ma jagħmel terminu sħiħ fil-gvern sa mill-1987. Sal-2013 il-Partit Laburista kien tilef sitta minn seba’ elezzjonijiet ġenerali  u allura bosta kien qed iħossu li l-PL kien sar partit tal-oppożizzjoni li ma jista’ qatt jiggverna. 

Bis-saħħa ta’ rebħiet dejjem akbar, li telqu minn distakk ta’ madwar 33,000 vot, madwar Muscat inbena bħal kult li letteralment biddel u ttrasforma ’l dan il-partit f’wieħed rebbieħ. 

Abela qiegħed jibni fuq dan is-sentiment biex iwiegħed li mhux se joħloq wisq terremoti. Li se jkun qisu Muscat iżda b’xi bidliet żgħar forsi kożmetiċi u b’oħrajn xi ftit aktar sinifikanti. 

Żgur mhux forsi, il-grupp tat-tmexxija kurrenti – fosthom il-Prim Ministru nnifsu – ma jaqblilhomx li minflok Muscat jitfaċċa xi ħadd li jrid jaqla’ u jbiddel kollox u jħalli warajh legat superjuri. Minn ewl id-dinja din. Allura, il-loġika tgħid li ħafna minnhom aktarx qegħdin, jew messhom qegħdin, jappoġġjaw lil Abela. Imma Fearne għamel ċerti negozjati u wegħdiet li f’xi nħawi qed jagħmel dan l-appoġġ diffiċli. 

Xi jridu l-Laburisti? Il-kontinwità jew it-tqaċċit tas-sistema mill-qiegħ? Iridu mexxej u Prim Ministru li f’ċerti aspetti se jkun bħal ta’ qablu jew bidu ġdid? 

Fil-verità Abela huwa pjuttost ġdid, kemm fil-wiċċ u kemm fil-ħidma amministrattiva jew f’dik partiġġjana, almenu relattivament. Iżda daqstant ieħor huwa ġdid Fearne – din id-darba fl-istil. 

Nhar il-11 jew kmieni fit-12 ta’ Jannar inkunu nafu eżatt x’jippreferu l-għeruq tal-partit. 

Inċidentalment, jew forsi mhux inċidentalment, Fearne saħaq ukoll fuq il-kontinwità meta kien qiegħed f’Ħal-Qormi, ftit wara li l-eks mexxej Laburista Alfred Sant appella wkoll biex it-triq il-ġdida ma titbiegħedx wisq minn dik ta’ qabilha. B’dan nifhmu sejħa biex jinstab bilanċ bejn il- qadim u l-ġdid.

Arja aktar ottimista

Jekk nagħmlu paragun bejn l-attivitajiet ta’ Fearne fiż-Żejtun u ta’ Abela fir-Rialto, jinħass li fost dawk li qed jappoġġjaw lil Abela hemm aktar pożittività. U dan mhux biss fiċ-ċapċip u fil-ħeġġa li dawn qed juru imma, iktar min hekk, fil-kliem u fid-diskors. 

Ħafna minn dawk li tkellmu fl-attività ta’ Abela tkellmu dwar dawk li jikkunsidraw bħala suċċessi tal-Gvern ta’ Joseph Muscat. Dan jista’ jkun ġej mill-fatt illi Abela huwa kelliem aħjar minn Fearne. Din is-sensazzjoni qed tinħass xorta waħda minkejja li diversi sondaġġi, fl-istess waqt, qed juru li Abela jinsab minn taħt.  

Din il-kważi ewforija tista’ tmewwet is-serjetà tal-akkużi li nġiebu kontra l-aktar persuna b’saħħitha wara Joseph Muscat u turi, għaldaqstant, nuqqas ta’ fehim tal-bżonn li jsiru ċerti bidliet radikali. 

Donnu Abela qed jagħti l-impressjoni li jrid jibdel xi affarijiet, imma żgur mhux fil-modi ta’ kif jasal fid-destinazzjoni tiegħu. 

Pereżempju, fuq il-ħatra tal-ġudikanti jew tal-Kummissarju tal-Pulizija jew l-Avukat Ġenerali. 

Fuq x’se jagħmel differenti fix-xandir nazzjonali. Fuq il-bidliet li qed jingħad li għandhom isiru fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

It-tqabbil ma’ Muscat u l-lealtà

Huwa ċar illi hemm tentattiv biex tissaħħaħ l-immaġini ta’ Abela bħala xi ħadd li se jkompli fejn ħalla Muscat. Dan qed isir ukoll bit-tixbih bejn dawn it-tnejn. 

Shania Micallef, persuna LGBTIQ, f’Bormla sostniet illi Abela se jkompli jmexxi bil-pożittività u li huwa l-istess tip ta’ persuna bħal Joseph Muscat. Anke s-Sindku Bormliża Alison Zerafa Civelli, li tiġi wkoll oħt il-mara ta’ Robert Abela, qalet li Abela “għandu l-kwalitajiet sbieħ ta’ Muscat.”

Forsi dan it-tixbih ftit li xejn qed isir fuq in-naħa ta’ Fearne. 

Terġa’, Abela stess sostna li baqa’ leali sal-aħħar sekonda. Interessanti li l-implikazzjoni sottili hawnhekk tista’ tkun li mhux kulħadd għamel dan. 

L-għeruq tal-partit u l-Laburisti

Żgur illi l-aktar punt li qed jittenna miż-żewġ kandidati jindirizza lill-attivisti Laburisti. Din l-istrateġija kienet effettiva meta kienet saret elezzjoni interna fost id-delegati. 

Kemm Fearne fl-elezzjoni għal Deputat Mexxej, u kemm qabel u ħafna aktar id-Deputat Mexxej Chris Cardona, kienu kkampanjaw b’mod intensiv b’messaġġi lill-Laburisti mweġġgħa u lill-attivisti tal-partit li jħossuhom imwarrbin. Probabbilment dan sar minħabba bosta raġunijiet, però l-aktar minħabba l-perċezzjoni – li mhix bilfors hija ġġustifikata – li l-Gvern Laburista ma kienx “tal-Laburisti biżżejjed” u li kien hemm wisq votanti Nazzjonalisti li ngħataw promozzjonijiet u karigi għoljin.  

Ġeneralment din tirrifletti ix-xewqa, ħafna drabi ġenwina, ta’ diversi Laburisti għall-esklussività – jiġifieri li l-partit jibqa’ tagħhom u li fi ħdanu jiġu kkunsidrati superjuri u l-ewwel prijorità. Hija wara kollox parti mill-istint uman li jappartieni lil grupp ta’ twemmin li b’xi mod ikun differenti mill-bqija. Issa, aktar minn qatt qabel f’dawn l-għaxar snin, fil-PL hemm is-sens ta’ ‘closing the ranks’ u allura l-bżonn li l-partit u dawk li jiffurmaw parti minnu jingħataw il-kenn minn dan l-attakk, għad li dan f’għajnejn ħafna mhuwiex iġġustifikat. 

Abela dan is-sentiment qiegħed jisfruttah sew. Kontinwament u f’kull diskors qed jitkellem dwar il-Laburisti. “Meta kellna bżonn lilhom sibna” qal fir-Rialto. “Għax jekk ma nibżgħux għan-nies tagħna...” wissa Abela. Għamilha wkoll ċara li se jkompli jaħdem biex isaħħaħ il-ONE u ma jidhirx f’burdata li jaħdem biex jingħalqu l-istazzjonijiet politiċi. Qal li dan għandu jsir għax il-partit qiegħed jaqla’ ħasla wara l-oħra mill-mezzi tal-midja kollha l-oħra. M’hemmx xi ngħidu, dan l-argument jinjora għalkollox ir-realtajiet koroh tal-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar ġimgħat. 

Imma bla dubji, dakinhar fir-Rialto, l-akbar sinjal ta’ dan l-appell intbagħat mid-Deputat Silvio Parnis, li saħaq li “l-ewwel, it-tieni u t-tielet il-Laburist” quddiem folla nies iċċapċap. 

Fil-każ ta’ Fearne u Cardona din l-istrateġija ħadmet tajjeb. Iżda din id-darba l-għażla se ssir minn eluf ta’ membri li mhumiex delegati u allura f’dar-rigward qajla nistgħu nagħmlu paraguni. 

U missieru ma jidher imkien!

Jidher illi Abela s’issa rnexxielu jibda jinża’ l-libsa tat-“tifel ta’ George’. Filfatt il-President Emeritus George Abela f’din il-kampanja mhu qed jidher imkien. 

Minkejja li b’missieru Robert aktarx m’għandux wisq telf, jibqa’ l-fatt li huwa persuna b’aktar esperjenza u segwaċi minn ibnu u għaldaqstant jibqa’ l-periklu li l-persuna ta’ George Abela tista’ tiddevja xi ftit l-attenzjoni minn fuqu u saħansitra titfgħu fid-dell tiegħu. 

It-tfal tal-politiċi xi ftit jew wisq dejjem jitqabblu ma’ missierhom jew ma’ ommhom. Dan il-paralleliżmu mhux dejjem jagħmlilhom ġid. Jekk xejn għax issib lil min jisħaq li l-iben qatt ma wasal fejn kien wasal il-missier. Tqabbil simili jsir fir-rigward ta’ Beppe Fenech Adami u Mario de Marco, ġaladarba missierijiethom kienu t-tnejn parti mit-tmexxija li tat rebħiet kbar u storiċi lill-PN.

More in Politika