'Meta tħossok komdu ma’ nies li jersqu lejn il-partit għal skop, se jkun hemm il-problemi'

L-Ispeaker Anġlu Farrugia jgħid li kien mhedded meta tkellem kontra ċertu nies li kien beda jara fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qabel l-2013

Meta kien qed jixhed illum fl-inkjesta li tirrgwarda l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni li l-Partit Laburista kellu man-negozjanti qabel l-elezzjoni tal-2013, kif ukoll li kellu hu mal-Prim Ministru Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni.

Huwa jgħid li kien irċieva theddid, wara li oppona ċerta relazzjoni li kienet nibtet bejn kuntratturi u negozjanti mal-partit u li kienu qed jidhru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

“Jiena nemmen,” ikompli jgħid Farrugia, “li bħala persuna involuta fil-politika, meta tħossok komdu ma’ nies mhux membri tal-partit, li jersqu lejn il-partit għal xi raġuni, se jkun hemm il-problemi.”

Hu kien mistoqsi minn Jason Azzopardi, avukat tal-familja Caruana Galizia, dwar intervista li kienet dehret fuq The Times ta’ Jannar 2013 u li fiha kien qal illi ma kienx baqa’ jħossu komdu fil-partit, minħabba r-relazzjoni bejn il-partit u negozjanti kbar.

“Jiena dejjem kont iktar qrib l-għeruq, allura meta bdejt nara ċerti individwi ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, kont nistaqsi x’kienu qed jagħmlu hemm. Imbagħad sirt naf li kien hemm ir-raba’ sular fejn kienu qed jiltaqgħu.”

Farrugia qal illi kien ra lil Sandro Chetcuti imma qal li ma jiftakarx nies oħrajn telgħin fir-raba’ sular u fakkar illi darba kien ra lil xi ħadd hemmhekk fit-tard imma qatt ma qal lil ħadd lil min ra.

Qal li hu kien jaħdem fit-tielet sular.

“Jiena qatt ma appoġġjajt lil Joseph Muscat.  Meta ħareġ għal Mexxej Laburista ma appoġġjajtux lanqas. L-unika darba li ltqajt miegħu kien meta l-Parlament Ewropew tratta xi materji relatati ma’ Eddie Fenech Adami,” spjega Farrugia. “Jiena ma kontx favorit ta’ Joseph Muscat u kont Deputat Mexxej. Kont qed nikkonċentra biex inġib ħafna minn nies ta’ Mintoff lura fil-partit.”

Mistoqsi jekk Keith Schembri kienx ikun preżent fir-raba’ sular Farrugia wieġeb fil-pożittiv. “Dażgur. Hu kien jilgħab parti attiva fl-attivitajiet tal-partit," jgħid filwaqt li jinsisti li ma kellux aċċess għar- raba’sular.

“Wieħed mill-inċidenti li weġgħani ħafna kien meta kont fuq Xarabank u kelli mistoqsija dwar l-enerġija. Xi ħadd staqsieni jekk konniex se nraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jiena weġibt fin-negattiv ... ma kellix biżżejjed informazzjoni,” jinsisti Farrugia.

Id-dehra, meqjusa fqira, ta’ Farrugia fuq Xarabank kienet attirat ħafna kritika lejn il-Partit Laburista.

Huwa qal illi missieru kien jistaqsih; ‘Int qatt rajt ħamiema ittir ma’ verdum? Jekk m’intix komdu itlaq!’

More in Politika