L-ewwel diskors tal-Mexxej il-ġdid tal-PL se jsir il-Ħadd waranofsinhar

Dan id-diskors se jsir fil-Padiljun Sportiv ta' Raħal Ġdid

Min ikun elett bejn Chris Fearne jew Robert Abela se jkun qed jagħmel l-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista nhar il-Ħadd 12 ta' Jannar.

Dan id-diskors se jsir fl-4:00pm, fil-Padiljun Sportiv ta' Raħal Ġdid, fl-istess post fejn nhar il-Ġimgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qiegħed jagħmel l-aħħar diskors tiegħu bħala Mexxej Laburista.

Id-diskors ta' Muscat se jkun qed jiftaħ il-Kungress Nazzjonali tal-Partit Laburista li se jissokta s-Sibt bil-votazzjoni għall-Mexxej ġdid Laburista.

Il-votazzjoni se tiftaħ fit-8:00am u tagħlaq tnax-il siegħa waħda, fit-8:00pm. Wara li fil-postijiet tal-votazzjoni ssir ir-rikonċiljazzjoni, il-kaxxi tal-voti, inkluż dawk ta' Għawdex, jaslu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn jinfetħu u jkun jista' jibda l-proċess tal-għadd.

Dan ifisser li fis-sigħat bikrin tal-Ħadd se jkun magħruf is-suċċessur ta' Joseph Muscat.

Din se tkun l-ewwel darba li l-membri kollha tal-Partit Laburista se jagħżlu l-Mexxej tal-Partit.

More in Politika