Il-Kap Eżekuttiv tal-PL jinsisti li l-elezzjoni tas-Sibt ma setgħet qatt tkun immanipulata

De Battista jinsisti li fl-aħħar sena l-PL investa f'sistema ġdida li fi kliemu għamlet differenza kbira

Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista ċaħad li b’xi mod kien hemm min bagħbas l-elezzjoni għall-ħatra ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista.

Fuq Facebook, De Battista saħaq li fl-aħħar sena, il-PL investa eluf ta’ ewro f’sistema ġdida għas-sħubija fil-Partit.

“Ma daqqejtx trombi fuqha, imma sistema li għamlet id-differenza. Sistema li għamlet din l-elezzjoni possibbli,” saħaq De Battista.

Huwa kien qiegħed jirreaġixxi wara li dalgħodu, rapporti fuq The Times of Malta żvela kif il-Partit Laburista rċieva lment formali mingħand il-kandidat għat-tmexxija Robert Abela biex ikunu investigati allegazzjonijiet ta’ tbagħbis ta’ voti fl-elezzjoni biex il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid.

Ingħad li lejlet l-ewwel tas-sena, il-bieb tal-uffiċċju li fih qed tinżamm il-lista ta’ dawk eliġibbli li jivvotaw(fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista), ġie msakkar kmieni waranofsinhar minkejja li d-dwal ġewwa kienu mixgħula.

Ingħad li fl-uffiċċju kien hemm tlett persuni li jaħdmu għal Chris Fearne u li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu fil-Belt Valletta. Ir-rapport jisħaq li dawn kienu qed idaħħlu dettalji ta’ madwar 200 membru tal-Partit Laburista li waqgħu lura fil-ħlas, bil-għan li jkunu eliġibbli li jivvotaw fl-elezzjoni ta' nhar is-Sibt li ġej. 

Madanakollu, De Battista, filwaqt li ma ċaħadx li sar l-ilment, insista li dak li ntqal mhux minnu u insista li ma għandux jintefa dell fuq il-ħaddiema taċ-ĊNL.

“Is-sistema,” ikompli jgħid De Battisdta, “mimlija checks & balances biex tassigura li ħadd ma jipprova jimmanipulaha.”

Temm jisħaq li kemm l-amministrazzjoni, il-kandidati u anke r-rappreżenanti jafu sew kif taħdem din is-sistema għax ingħataw spjegazzjoni dwarha.

More in Politika