Aġġornata | Abela jitlob investigazzjoni dwar allegazzjoni ta' manipulazzjoni fl-elezzjoni tal-PL

Jidher li Abela ressaq dan l-ilment formali wara inċident li seħħ lejlet l-ewwel tas-sena fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista

Il-Partit Laburista rċieva lment formali mingħand il-kandidat għat-tmexxija Robert Abela biex ikunu investigati allegazzjonijiet ta’ tbagħbis ta’ voti fl-elezzjoni biex il-Partit Laburista jkollu mexxej ġdid.

Skont sorsi li tkellmu ma’ The Times of Malta, Abela qed jitlob li ssir investigazzjoni formali biex ikun assigurat li l-proċess ikun wieħed ġust.

L-istess ġurnal jgħid li “inċident” li seħħ lejlet l-ewwel tas-sena fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qajjem tħassib li wieħed miż-żewġ kandidati seta’ kien qed jindaħal fil-proċess, partikolarmant fir-reġistru uffiċjali dwar dawk eliġibbli biex jivvotaw.

Madanakollu, sorsi oħra saħqu li din il-kwistjoni kienet qed titkabbar iżżejjed. 

Il-ġurnal ikompli jikkwota dan l-ilment formali u jgħid li lejlet l-ewwel tas-sena, il-bieb tal-uffiċċju li fih qed tinżamm il-lista ta’ dawk eliġibbli li jivvotaw, ġie msakkar kmieni waranofsinhar minkejja li d-dwal ġewwa kienu mixgħula.

Ingħad li fl-uffiċċju kien hemm tlett persuni li jaħdmu għal Chris Fearne u li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu fil-Belt Valletta. Ir-rapport jisħaq li dawn kienu qed idaħħlu dettalji ta’ madwar 200 membru tal-Partit Laburista li waqgħu lura fil-ħlas, bil-għan li jkunu eliġibbli li jivvotaw fl-elezzjoni ta' nhar is-Sibt li ġej. 

Il-ġurnal talab reazzjoni mingħand kelliem tal-Partit Laburista li min-naħa tiegħu saħaq li l-kummissjoni elettorali dejjem ikkommunikat il-pożizzjoni tagħha jew wieġbet lil dik il-persuna li tkun qajmet kwistjoni jew li tkun ippreżentat ilment matul il-proċess elettorali.

Insista li l-proċess elettorali biex ikun elett mexxej ġdid qed ikun skrutinizzat u dan qed isir bil-kollaborazzjoni ta’ rappreżentanti taż-żewġ kandidati.

'Proċess ġust skont l-istatut u r-regoli maqbula' - Reazzjoni PL

B'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li r-rapport fuq it-Times fih numru ta' "asserzjonijiet żbaljati," fosthom meta jgħid li kien qed isir inputting tad-data minn kanvassers ta’ xi kandidat

"Dak allegat mhux talli ma seħħx, talli s-sistema hija ddisinjata b’mod li ma tippermettix li xi ħaġa bħal din isseħħ," saħaq il-PL.

L-istqarrija tisħaq li ll-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista kkomunikat il-pożizzjonijiet u t-tweġibiet uffiċjali tagħha lill-persuni li jitolbu xi kjarifika jew jippreżentaw ilment uffiċjali tul il-proċess elettorali.

"Il-proċess elettorali li se jwassal għall-ħatra ta’ Mexxej ġdid għandu numru ta’ livelli ta’ checks and balances u qed isir b’kollaborazzjoni mill-qrib mar-rappreżentanti tal-kandidati u l-kandidati nfushom," saħaq il-PL.

L-istqarrija ttemm tgħid li filwaqt li kien hemm ċirkostanzi li ġew indirizzati tul il-proċess, il-Kummissjoni Elettorali tassigura li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti.

Aqra hawn dak li qal il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.

More in Politika