'Nagħti garanzija li ż-żoni tal-iżvilupp ma jintmessux jekk insir Prim Ministru' - Robert Abela

Robert Abela jaċċerta lill-gazzetta ILLUM li jekk ikun PM hu, iż-żoni tal-iżvilupp ma jintmessux ... Fearne jindika l-istess imma ma jweġibx

Robert Abela u Chris Fearne
Robert Abela u Chris Fearne

Waqt dibattitu llejla fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista ONE il-kandidat għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit Laburista u għat-tmexxija tal-pajjiż Robert Abela ta garanzija li ma jestendix iż-żoni ta' żvilupp, xi ħaġa li direttament il-kandidat għall-istess kariga Chris Fearne, m'għamilx.

Il-gazzetta ILLUM kienet mistiedna waqt id-dibattitu biex tagħmel mistoqsija liż-żewġ kandidati, li wieħed minnhom, fi ftit jiem se jkun mhux biss Mexxej ġdid Laburista iżda anke Prim Ministru tal-pajjiż kollu. 

"Nagħti garanzija iva li ż-żoni ta' żvilupp ma jintmessux," qal Abela għall-mistoqsija tal-ILLUM fl-istess dibattitu. "Diżappuntat iva kif ħareġ dak il-permess, " sostna fir-rigward tal-permess mogħti lil Joe Portelli fil-Qala, permess li qajjem furur fil-pajjiż u kritika mill-PL ukoll. Huwa qal li kulħadd għandu jkun trattat l-istess f'dak li jirrigwarda permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar u saħaq illi mhux neċessarjament il-politiki li huma ħżiena, imma l-mod kif jiġu applikati. 

Il-każ tal-Qala kien qam minħabba policy introdotta mill-Gvern preżenti u li tgħid li jekk tilħaq ċerti kriterji binja abbandunata fuq art ODZ tista' ssir residenza.

Għall-mistoqsija tal-gazzetta ILLUM, Fearne qal li kien propju Gvern Nazzjonalista li estenda b'mod "bla sens" iż-żoni tal-iżvilupp u allura l-Partit Laburista huwa l-partit tal-ambjent. "Ejja nkunu ċari li l-iżvilupp għandna bżonnu, imma li jdejjaq lin-nies huwa l-eseġerat."

'Ma nistax nifhem kif ċertu negozji jgħidu li qatt m'għamlu daqstant profitt imma ma jgħollux il-pagi' - Abela

Abela qal li ma jifhimx kif tant negozji għamlu passi 'l quddiem u qed jagħmlu l-aqwa profitti li qatt għamlu imma mbagħad jgħidu li m'għandhomx minn fejn iżidu l-pagi. "Jiena nemmen li l-impjegaturi se jifhmu li pagi ogħla, jgħollu l-produttività," sostna Abela. 

"Illum irridu nilħqu dan il-bilanċ. Ili nitkellem fuq paga ugwali għal ħlas ugwali.  Kelli intervista illi fiha tkellimt dwar is-suġġetti," saħaq Abela fir-rigward ta' intervista li fil-fatt kellu mal-gazzetta ILLUM. 

Fearne fakkar illi hu kien il-ko-pilota ma' Muscat u allura jaf kif Muscat kien pro-business imma wkoll pro-ħaddiema u pro-pensjonanti. "Aħna rridu iva li ngħollu l-pagi tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Ikkalkulajna kemm tiswa' u tiġina daqs €10 miljuni," sostna d-Deputat Prim Ministru.

Abela rringrazzja lil Joseph Muscat u l-familja tiegħu u qal illi mill-Prim Ministru tgħallem ħafna. "Ma kellix wisq preparazzjoni għal din il-kampanja għax bqajt sal-aħħar leali lejn il-Prim Ministru," sostna Abela illi għamel aċċenn partikolari fuq l-onestà

Fearne iddeskriva dan ta' bħalissa bħala l-kulminu tas-sehem tiegħu fil-PL.  Huwa qal illi l-kampanja kienet waħda ta' għaqda, bħal qatt bħala u sostna li l-avversarji mhumiex fil-kamra fejn kien qed isir il-programm imma barra. 

Fearne talab lill-votanti Laburisti biex jivvotawlu ħalli b'l-partit u l-Gvern ikompli bis-suċċessi ta' Joseph Muscat.  Abela fakkar, fi kliem Muscat, illi 'l-aħna huwa ikbar mill-huma' u sostna li l-PL jeħtieġ jibqa' rebbieħ biex jinqa' jagħmel il-ġid lill-pajjiż.

 

More in Politika