Maġġoranza qawwija ħafna ta' membri Laburisti għadhom indeċiżi u 9.5% ma jridux jivvutaw

Minkejja li minn fost dawk li huma deċiżi, Fearne kellu iktar minn 65% tal-appoġġ, Robert Abela qed jagħmel passi kbar 'il quddiem - Persentaġġ kbir ħafna ta' membri jgħidu li għadhom ma ddeċidewx lil min se jivvutaw

Ritratt Mediatoday
Ritratt Mediatoday

Anke jekk nhar is-Sibt eluf ta' membri tal-Partit Laburista se jivvutaw biex jeleġġu Mexxej u Prim Ministru ġdid, persentaġġ qawwi ta' dawk li jistgħu jivvutaw għadhom indeċiżi lil min se jivvutaw filwaqt li kważi wieħed minn kull 10 ma jridux jivvutaw, la lil Chris Fearne u lanqas lil Robert Abela. 

Sondaġġ tal-Kamra tal-Aħbarijiet Mediatoday ippubblikat illum fuq il-gazzetta oħt Maltatoday, juri kif maġġoranza qawwija ta' membri qed jgħidu li għadhom mhux ċerti lil min se jivvutaw, filwaqt li 9.5% wieġbu li la jridu jivvutaw lil Fearne u lanqas lil Abela. 

Dan juri allura li t-tiġrija għadha kompletament miftuħa, anke jekk minn fost id-deċiżi Chris Fearne joħroġ minn fuq. 

Minkejja illi Fearne kellu bejn 65% u 70% ta' dawk li kienu deċiżi issa qed jirriżulta li l-ammont ta' persuni indeċiżi huwa enormi u wisq kbir biex ikun hemm indikazzjoni ċara biżżejjed ta' fejn sejjer ir-riżultat. 

Robert Abela javvanza sew fl-aħħar jiem, imma biżżejjed?

Minkejja li kellu bidu fjakk ħafna fil-kampanja tiegħu ħafna persuni fil-Partit Laburista issa qed jaqblu li fl-aħħar jiem Abela tabilħaqq qabad jipprogressa, kemm fl-immaġni u kemm fl-organizzazzjoni tal-attivtajiet. Abela kellu attivitajiet b’attendenza mill-aktar numeruża u mqanqla, l-aktar fir-Rialto f’Bormla.

Sors minnhom, membru tal-Grupp Parlamentari, ikkonferma dan billi sostna li “iva, kien hemm titjib kbir fil-kampanja ta’ Abela, għalkemm ma naħsibx li dan se jkun biżżejjed biex jirbaħ.”

Iżda l-akbar mossa li tat spinta lil Abela kienet id-dehra tiegħu fuq il-programm Xarabank. Jidher li fost bosta Laburisti l-interventi ta’ Abela fuq il-midja soċjali ntlaqgħu ħafna aħjar minn dawk ta’ Fearne.

Iċ-ċifri ta’ Abela m’għadhomx daqstant ħżiena u l-appoġġ għalih qiegħed żdied

L-attitudni ta’ Abela – li din il-ħarġa analizzat f’paġni 6 u 7 – jiġifieri dik li jkun iktar iebes mal-avversarju, iktar skjett dwar il-familja Caruana Galizia, iktar kritiku tal-midja u iktar ottimist dwar Joseph Muscat u l-legat tal-Gvern tiegħu qed tinżel għasel ma’ bosta votanti Laburisti.

Ir-rifjut tiegħu li jagħmel xi apoloġija lill-familja Caruana Galizia għax “l-Istat ma naqasx” tista’ titqies minn bosta bħala pożizzjoni arroganti, iżda din niżlet tajjeb ħafna ma’ diversi elementi fl-għeruq tal-parti li jħossu li l-familja tagħha tirrappreżenta l-antiteżi ta’ dak kollu li jemmnu fih.

Diversi attivisti, persuni fil-partit u osservaturi politiċi qed jinnotaw li Abela ħareġ ħafna iktar ippreparat, konċiż u kunfidenti minn Fearne, l-iżjed għax dan tal-aħħar qed isib ruħu f’diffikultà biex iwassal il-messaġġ tiegħu.

Minkejja li sa qabel il-Milied kien għadu lura ħafna fit-tiġrija issa jidher li Abela fl-aħħar ġimgħat qabad ritmu tajjeb u saħansitra ċekken qatigħ id-distakk bejnu u Fearne.

More in Politika