'Fearne u Abela jiggarantixxu li kollox se jibqa' kif inhu' - Delia

Adrian Delia jisħaq illi Robert Abela u Chris Fearne mhu se jġibu ebda bidla. Anzi huma garanzija li kollox jibqa' kif inhu

F’intervista li ta dalgħodu fuq Net FM il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li Chris Fearne u Robert Abela “qed jiggarantixxu li kollox se jibqa’ kif inhu u li mhu se jinbidel xejn.”

Irrimarka wkoll li “sal-bieraħ fuq Xarabank kienu qed jagħtu l-appoġġ inkundizzjonat lil Joseph Muscat u baqgħu l-ħin kollu jkellmuna dwar il-kontinwità”. Għaldaqstant ikkonkluda li dan jindika li fil-verità kollox se jibqa’ kif kien.

Delia kompla jsostni li la Fearne u lanqas Abela mhuma qed jiggarantixxu li se jieħdu xi azzjoni biex jiġi investigat kull min għamel il-ħsara lil pajjiżna.

“Robert Abela qed jgħid li se jżomm il-Kabinett kif inhu,” qal il-Kap tal-PN filwaqt li saħaq illi min hu kuntent bil-korruzzjoni u u bil-fatt li isem pajjiżna “jinsab fl-abbissi” se jibqa’ kuntent, għax il-pajjiż se jibqa’ hekk.

Qal ukoll li Fearne nieqes mill-għarfien dwar is-Saltna tad-Dritt u sostna, f’referenza għall-proposta li saret dwar konferenza li tiddiskuti l-bidliet meħtieġa inkluż fil-Kostituzzjoni, li l-pajjiż mhux konferenzi jeħtieġ iżda li ninvestigaw lil min hemm bżonn mingħajr ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.

Huwa qal ukoll li l-pajjiż waqaf jitkellem dwar l-ekonomija u l-akkomodazzjoni soċjali. “Bejniethom, Fearne u Abela, qed jagħmlu minn kollox biex il-Partit Laburista jibqa’ fil-gvern u mhux biex ifejqu l-pajjiż. Sakemm jirranġaw il-problemi tal-partit se jħallu lill-pajjiż imdendel.”

Fir-rigward tal-power station huwa qal li l-kampanja biex tkun mbuttata l-idea tal-ħtieġa ta’ power station ġdida kienet attività ta’ frodi u li dawk li pparteċipaw fiha huma frodisti.

“Qatt kont naħseb li se naslu f’din l-estremità li Prim Ministru ta’ pajjiż ikun ivvutat bħala wieħed mill-aktar persuni korrotti fid-dinja? Qatt kont nistenna li l-uffiċċju tal-Prim Ministru se jispiċċa investigat fuq assassinju ta’ ġurnalista? Le qatt ma kont naħseb li se naslu s’hawn,” stqarr il-Kap tal-PN waqt l-intervista.

Huwa qal li anke fil-Partit Nazzjonalista jenħtieġ isiru l-bidliet u matul kull ġurnata li tgħaddi “b’dan il-Prim Ministru illeġittimu fil-poter” kulħadd irid jibqa’ jagħti s-sehem tiegħu, sostna Delia.

Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ jgħaddi minn proċess ta’ riforma li ġġib il-bidliet meħtieġa sabiex tassew ikun Gvern alternattiv

 

More in Politika