'L-interconnector mhux dejjem jipprovdi l-irħas u l-iktar enerġija nadifa' - Ministru Mizzi

Il-Ministru Joe Mizzi jispjega kif ġie kkummissjonat studju biex jidentifika l-aħjar sorsi li l-pajjiż għandu juża fis-snin li ġejjin

Il-Ministru Mizzi
Il-Ministru Mizzi

Fi stqarrija l-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi sostna illi bil-kontra ta’ dak li kien jgħid qabel, il-PN jiġifieri li Malta m’għandhiex bżonn impjant ieħor għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, "illum jidher li mhux talli rrikonoxxa dan il-bżonn, iżda qed jgħid ukoll li Malta għandha bżonn sors addizzjonali ta’ enerġija." Mizzi saħaq illi l-policies ta’ Malta fis-settur tal-enerġija huma bbażati fuq il-prinċipju li d-domanda għall-enerġija trid tintlaħaq bl-iktar mod ekonomikament effiċjenti u bl-inqas ħsara lill-ambjent. "Fil-fatt, Malta llum għandha tliet sorsi ta’ enerġija, l-enerġija rinovabbli, il-produzzjoni tal-elettriku mill-power stations f’Delimara u l-interconnector, li jintużaw f’livelli differenti biex jindirizzaw id-domanda lokali tal-enerġija."

Il-Ministru sostna li l-interconnector, filwaqt li jipprovdi flessibilità addizzjonali fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, "mhux dejjem jipprovdi l-irħas u l-iktar enerġija nadifa, peress li jiddependi wkoll mit-taħlita ta’ sorsi disponibbli fil-grid ta’ Sqallija. Dan jiġi rifless fil-prezzijiet tal-elettriku mixtri mill-interconnector, li jaf ikunu kemm orħos u kemm ogħla mill-ġenerazzjoni lokali fl-impjanti ta’ Delimara." Mizzi fakkar illi l-operat tal-interconnector wera li din it-teknoloġija hija suxxettibli għal inċidenti, bħal ma ġara bil-ħsarat li seħħew fis-26 ta’ Novembru, kif ukoll fit-23 ta’ Diċembru, meta l-interconnector ġarrab ħsarat li se jdumu ġimgħat biex jissewwew. "Għaldaqstant, huwa importanti li t-taħlita ta’ sorsi ta’ enerġija li tuża Malta tkun ibbażata fuq numru ta’ riżorsi. Il-gvern jemmen fil-bżonn li l-enerġija rinovabbli tintuża iktar, u fil-fatt huwa joffri l-appoġġ tiegħu fl-installazzjonijiet ta’ faċilitajiet li jiġġeneraw enerġija rinovabbli." Qal illi ġie kkummissjonat studju komprensiv biex jidentifika l-aħjar sorsi li l-pajjiż għandu juża fis-snin li ġejjin, filwaqt li jikkunsidra aspetti tekniċi, ekonomiċi u ta’ security of supply. L-esperti li tqabbdu huma mistennija jipprovdu l-konklużjoni tagħhom matul din is-sena u, wara dan, il-gvern ikun f’pożizzjoni aħjar biex jikkonsulta u jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji b’mod għaqli.

Iktar kmieni llum ukoll l-għaqda Żminjietna appellat biex il-Power Station tkun nazzjonalizzata

More in Politika