'Il-Kummissarju tal-Pulizija irid jitlaq immedjatament u bħalu għandu jitlaq ukoll il-Prim Ministru' - Beppe Fenech Adami

Beppe Fenech Adami jgħid li Malta ma tistax tibqa' tgħaddi 'min sitwazzjoni fejn il-Kummisarju hu pupazz f’idejn il-klikka ta’ kriminalità li ħatfet Kastilja'

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami,  qal li "il-fatt li l-Kummissarju tal-Pulizija għażel li jħalli lil eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri jmur fuq btala mal-familja, turi kemm il-Kummissarju spiċċa jintuża mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru."

Beppe kompla jisħaq li l-Kummissarju, li skontu huwa skreditat minn kulħadd inkluż iż-żewġ kandidati għall-Prim Ministru ġdid, ta permess speċjali lil min jinsab investigat dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Beppe Fenech Adami żied jgħid ukoll li hu inaċċettabbli li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħti permess bħal dan lil min jinsab suspettat dwar omiċidju, li fixkel il-ġustizzja u bi kxif ta’ informazzjoni sensittiva kemm tal-Istat u tal-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Barra minn hekk, Beppe saħaq li l-Kummissarju tal-Pulizija m’għandux triq oħra ħlief li jitlaq immedjatament u bħalu għandu jitlaq immedjatament ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat biex ma jkunx forma ta’ pressjoni, tfixkil jew indħil fuq linvestigazzjonijiet.

Fenech Adami ikkonkluda billi qal "Pajjiżna ma jistax jibqa’ jgħaddi minn din is-sitwazzjoni fejn il-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz f’idejn il-klikka ta’ kriminalità li ħatfet Kastilja."

More in Politika