Il-President jisħaq li ħa pariri u jirriżulta li ma għandu l-ebda setgħa jneħħi lill-Prim Ministru

Vella spjega li sakemm dan ikollu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati, il-President ma jista' jagħmel xejn

Il-President George Vella wieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u saħaq li wara ħa pariri legali, jirriżulta li l-Kostituzzjoni ma tagħtih l-ebda setgħa legali, Kostituzzjonali jew Eżekuttivi, li jneħħi lill-Prim Ministru mill-kariga sakemm dan ikollu l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

Ilbieraħ, Adrian Delia ikkwota mill-Kostituzzjoni u insista li l-President jista’ juża Artikolu 85 li jagħtih il-poter li mhux biss jagħżel Prim Ministru iżda anke jneħħi wieħed jekk jibda l-proċess neċessarju.

“Qed nitlob li Artikolu 85 tal-Kostituzzjoni li wkoll jagħmel referenza għall-Artikolu 80 u 81(1), ikun invokat u jidħol fis-seħħ,” insista Delia.

Insista li biex Muscat jitneħħa, Vella ma jistax jaħdem waħdu, iżda d-Deputat Prim Ministru u d-Deputati jridu jkunu lesti li jerfgħu r-responsabbilità immedjatament.

Fi stqarrija, il-President Vella insista li sa issa aġixxa u għamel dak kollu li seta’ fil-parametri tal-fakultajiet li tagħtih il-Kostituzzjoni, kemm fuq bażi legali, kif ukoll dik morali.

Delia kellu laqgħa mal-President Vella llum waranofsinhar.

More in Politika