Robert Abela jipproponi t-twaqqif ta' awtorità biex tbiddel proprjetajiet mitluqa fi proġetti ta' housing

Jidher li ġew identifikati xejn inqas minn 4,000 proprjetà vojta u mitluqa li tista’ tintuża għal dan il-għan

Il-Kandidat għall-Mexxej Laburista, Robert Abela qed jipproponi t-twaqqif ta’ awtorità responsabbli biex talloka proprjetajiet li ma jintużawx għal dawk il-persuni li għandhom problema bil-housing.

Abela saħaq li eluf ta’ proprjetajiet f’Malta li huma vota u mitluqa jistgħu jkunu rrestawrati qabel ma jkunu allokati. Qal li dan jista’ jsir bis-saħħa ta’ fondi ġenerati mill-bejgħ tal-bonds.

B’hekk, dawk li jinvestu fil-bonds, idaħħlu lura mill-kirjiet li jitħallsu minn dawk li jieħdu dawn il-proprjetajiet.

Saħaq li l-prezz tal-kirjiet se jkun jikkorispondi mad-dħul tal-inkwini bil-għan li dawn ikunu affordabbli. 

Robert Abela
Robert Abela

Abela saħaq li din l-awtorità tixtri l-proprjetajiet mitluqa mingħand is-sidien bil-prezz tas-suq u wara li tirrestawrahom toħroġ applikazzjonijiet għal dawk il-persuni li jkunu qed ifittxu saqaf u jingħataw prijorità dawk li l-aktar huma fil-bżonn.

Insista kif din is-sistema se tkun qed tippreserva wkoll l-abjent għax ma jkunx hemm bżonn li tittieħed art verġni. 

Fakkar li dawn ikunu jistgħu jinbiddlu f’housing units aktar malajr għax ma jkunx hemm bżonn il-proċess tal-permessi mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbnew.

“Se sservi wkoll għal dawk li jixtiequ jinvestu,” saħaq Abela.

Jidher li ġew identifikati xejn inqas minn 4,000 proprjetà vojta u mitluqa li tista’ tintuża għal dan il-għan.

More in Politika