Ivan Camilleri jitkeċċa mit-Times wara li allegatament għamel kuntatt ma' Yorgen Fenech

Isem 'Ivan' jidher f'messaġġi li rat il-Pulizija bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech

Allied Newspapers keċċew lill-ġurnalist ta’ The Times Ivan Camilleri wara li allegatament kellu kuntatt ma’ Yorgen Fenech, lejlet li dan ipprova jaħrab minn Malta.

Ilbieraħ, waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, l-Avukat Jason Azzopardi staqsa lill-Ispettur Keith Arnaud jekk kienx hemm xi ġurnalist li għamel kuntatt ma’ Yorgen Fenech.

Arnaud ma kienx ċert u saħaq li jaħseb li Fenech kien informat dwar dak li qed jiġri minn fuq l-aħbarijiet u għalhekk iddeċieda li jitlaq minn Malta.

Madanakollu, MaltaToday hija informata li l-Pulizija sabet messaġġi fuq WhatsApp li kienu jsemmu lil ċertu “Ivan,” li kien wissa lil Fenech dwar l-arrest tiegħu.

Isem ‘Ivan’ issemma fil-messaġġi bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech.

Ikkuntatjat mill-MaltaToday, Ivan Camilleri naqas milli jikkummenta. Qal biss li se jkun qed jiġġieled din “it-tkeċċija inġusta.”

F’Ottubru li għadda, MaltaToday irrapportat ukoll kid Camilleri kien iffaċċjat minn sid ta’ supermarket fin-Naxxar wara li dan allegatament ħa xi affarijiet li għalihom ma ħallasx.

More in Politika