Elezzjoni PL | Robert Abela: Kariżmatiku, jaf jitkellem, l-underdog imma ftit nafu dwaru

Robert Abela huwa wiċċ frisk u żagħżugħ. Jaf jitkellem, immaġini tajba u ġej minn familja li ħadmet għall-ħaddiem. Imma, għax ġdid u qatt ma mexxa' Ministeru, huwa xi ftit ta’ pass fid-dlam

Robert Abela | Ritratt James Bianchi
Robert Abela | Ritratt James Bianchi

Robert Abela, kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista. Ġdid u ma tantx nafu dwaru, għalkemm illum beda jurina xi ftit minn dak li għandu f'moħħu li jwettaq jekk ikun Prim Ministru.

Bħalma għamel bi Chris Fearne (se tkun ppubblikata għada) dan is-sit se jkun qed jagħti ħarsa qasira lejn iż-żewġ kandidati għal din il-kariga hekk importanti fil-Partit Laburista u l-ogħla kariga fil-Gvern. 

L-akbar żvantaġġ...

L-akbar żvantaġġ ta’ Abela huwa li kuntrarjament għal Fearne ftit li xejn qatt rajnieh fl-azzjoni hekk kif mhux Ministru u lanqas għandu kariga fil-partit.

Minkejja li mhux ġej minn barra, l-unika kariga li għandu bħala Konsulent legali tal-Gvern, għalkemm prestiġjuża u importanti, ftit li xejn hija xi waħda li tinteressa lill-pubbliku.

Fearne, min-naħa l-oħra għandu Ministeru daqsiex li jolqot lin-nies direttament u li xi darba jew oħra jolqot lil kulħadd; is-saħħa.

Dan ipoġġi lil Robert fi żvantaġġ għaliex filwaqt li Fearne għandu track record u riżultati li dwarhom jista’ jitkellem, Robert m’għandux u jrid jaħdem qatigħ biex jagħmel tajjeb għal dan.

Naturalment kritika jaqla’ Fearne, l-aktar minħabba l-kundizzjonijiet tal-infermiera u l-istat tal-isptar Monte Carmeli u issa wkoll il-ftehim ma’ Steward Healthcare.

Minkejja dan fil-qasam tas-saħħa fl-aħħar snin rajna tnaqqis fis-sigħat ta’ stennija u fil-mediċini out of stock, kif ukoll xi titjib fil-qasam tas-saħħa primarja.

Il-qasam ra wkoll il-ftuħ tal-iskola ta’ Barts, skola li fil-fatt inġiebet pajjiżna wara ħidma mill-eks Ministru Laburista tas-Saħħa Godfrey Farrugia.

Robert, min-naħa l-oħra m’għandu xejn minn dan.

Kariżmatiku u jaf jitkellem

Kuntrarjament għal Fearne ukoll, Robert Abela huwa kariżmatiku u jappella ħafna, b’mod simili li kien u għadu jappella Muscat.

Abela jista’ jitqies moderat fi kliemu u lest li jaħdem ma’ dawk li huma ta’ rieda tajba. Huwa meqjus bħala persuna b’immaġini tajba, li faċli tkellmu (approachable) b’mara u tifla li joffru dik l-immaġini ta’ familja ferħana u maqgħuda.

Minkejja li bħala pajjiż sirna ħafna iktar liberali milli qatt konna, l-immaġini ta’ familja għadha titqies bħala benefiċċju politiku għaliex turi stabbilità u ċertezza u bħalissa l-poplu, speċjalment il-Laburisti, għandhom bżonn ħafna ċertezza u stabbilità, fi żmien ta’ taqlib politiku serju.

Kważi, kważi wieħed jista’ jgħid illi Abela huwa maqtugħ mill-istess pezza drapp ta’ Muscat f’dak li jirrigwarda dehra, immaġini u relazzjonijiet pubbliċi

Mhux biss in-natural imma anke, pereżempju, ċerta dettalji żgħar. Pereżempju ritratt li tah prominenza fuq il-Facebook tiegħu fejn jinsab bilqiegħda fuq mejda kważi bħal wieħed mir-ritratti uffiċjali ta’ Muscat, fejn Muscat qiegħed bilqiegħda fuq mejda f’Kastilja.

Anke l-mod kif żewġ Ħdud ilu għadda beda jxejjer u jpoġġi jdejh fuq sidru; ifakkrek ħafna f’Muscat li fil-fatt isellem ħafna b’dan il-mod.

Dawn iż-żewġ affarijiet, kemm ir-ritratt fuq il-mejda u anke t-tħabbit fuq is-sider huma karatteristiċi fil-lingwaġġ fiżiku ta’ Muscat.

Abela, kuntrarjament għal Fearne u mal-ewwel ħarsa, jidher illi joffri xi forma ta’ kontinwità fl-istil u l-PR ta’ Muscat li rebbaħ lill-PL elezzjonijiet bil-kbir. Imma għadu kmieni wisq u wieħed jeħtieġ jara kif se jiżviluppaw l-affarijiet fiż-żmien li ġej .

Ir-ritratt ta' Robert, bil-poża ta' Joseph
Ir-ritratt ta' Robert, bil-poża ta' Joseph

Il-legat ta’ missieru...

Tipprova kemm tipprova hija diffiċli li tifred lil Robert minn ma’ missieru George Abela, President Emeritus, avukat u medjatur f’diversi kwistjonijiet tal-GWU u kandidat għat-tmexxija Laburista fl-2008. U dan ma tistax tagħmlu la fit-tajjeb u lanqas fil-ħażin. 

Abela tilef l-elezzjoni għal Muscat u llum Robert Abela żgur li se jkun qed jipprova jirranġa dan il-legat u jagħtih lura s-saħħa billi jirbaħ.

Fil-fatt jekk jitlef m’hemmx dubju li jsir il-paralleliżmu kif diġà beda jsir. Malli ħafna Ministri daru ma’ Fearne ftit biss wara li dan ħabbar il-kandidatura u appellaw biex kulħadd jingħaqad warajh beda jsir il-paralleliżmu ma’ George Abela f’diversi konverżazzjonijiet u diskussjonijiet privati, ‘bħalm’għamlu lil missieru se jagħmlulu’.

L-istess jekk jitlef din id-darba, mingħajr wisq forza se jsir il-parallel ma’ missieru, hekk kif ikun it-tieni Abela li jkun tilef elezzjoni għat-tmexxija.

L-istess pralleliżmu qed isir fil-ħażin. Nies fil-partit li qatt ma kellhom wisq grazzja ma' George Abela diġa qed idawwruha fil-pajjiż illi 'dan bħal missieru ta.'

Anke jekk Robert mhu George u George mhux Robert bħal kull persuna oħra fil-politika li kellha lill-missierha fil-politiku l-paralleliżmu dejjem isir. Inħarsu lejn Beppe Fenech Adami u Mario De Marco fil-PN, biex nagħtu eżempju. 

L-underdog

Abela huwa meqjus xi ftit jew wisq l-underdog f’din it-tiġrija li għal ħafna diġà donnu fatta li Fearne se jirbaħha.

Filwaqt li l-poter tal-kabinett, għal raġunijiet ġenwini jew le, qed jingħaqad wara Fearne, Abela jitħalla xi ftit jew wisq waħdu jaqdef il-mewġ kontra l-kurrent ta’ kabinett sħiħ.

Din tal-underdog Muscat użaha u għal xi żmien kienet effettiva.

Jekk jirbaħ Abela, kontra kull mistenni, ir-rebħa tkun ikbar minn sempliċi maġġoranza u tkun turija illi Abela kapaċi jagħmel dak li ħadd ma jistenna b’element ta’ sorpriża. Din hija karatteristika pożittiva f’mexxej, li turi kif politku kapaċi jaħsad lill-avversarji tiegħu meta l-inqas li jistennew. Anke hawn iżda, għadu kmieni wisq biex wieħed jislet xi forma ta’ konklużjoni.

Keith u Konrad

Anke jekk Keith Schembri politikament huwa kważi spiċċut hu għandu s-saħħa li juża ħbieb u kuntatti biex jerġa’ lura. Jista' jkun li juża l-kuntatti tiegħu biex jirrabilità ,lilu nnifsu, xi ħaġa li kull purnata li tgħaddi qed turi li se tkun kważi impossibbli li jagħmel. 

Konrad Mizzi, iktar u iktar se jipprova jidħol fil-qalba ta’ Gvern ġdid u għalkemm Abela diġa' qal illi m'hemmx post għal Konrad Mizzi f'Kabinett tiegħu, Abela għad irid jiċċara u jgħid xi rwol jilgħab Mizzi fi Gvern immexxi minnu. 

Se jappoġġjah il-kabinett?

U finalment tibqa’ mistoqsija importanti, il-kabinett li ħareġ jappoġġja lil Fearne imma mhux daqstant lil Abela, se jappoġġja lil Robert Abela jekk dan isir Prim Ministru?

Minkejja ħafna kliem dwar għaqda, jekk il-kabinett b’xi mod ma jaċċettax riżultat ikun qed iħares lejn sitwazzjoni li hija simili għal dak li għaddej minnha l-PN fejn ħafna fil-Grupp Parlamentari għadhom mhux qed jaċċettaw lil Delia bħala Kap.

Għalkemm dan jista’ jkun xenarju li jidher impossibbli, jista’ jiġri speċjalment jekk Abela ma jżommx (u probabbilment mhux se jżomm) mal-pjanijiet ta’ Fearne u imexxi bil-pjani u l-għażliet tiegħu. 

(Dan l-artiklu deher nhar il-Ħadd, qabel ma ppreżenta l-proposti tiegħu Robert Abela)

More in Politika