Rapport Egrant | 'Il-Prim Ministru kien jaf li kien hemm trust u kumpanija' - Konrad Mizzi

Konrad Mizzi jinsisti mal-Maġistrat Bugeja li qabel faqqgħu l-Panama Papers il-PM kien jaf bil-kumpanija li kellu fil-Panama u t-Trust fi New Zealand

‘Il-Prim Ministru kien jaf li kien hemm trust u an underlining company.’ Hekk kien qal Konrad Mizzi lill-Maġistrat Aaron Bugeja (illum Imħallef) fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar Egrant.

Dan ifisser li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf bit-trust Rotorue fi New Zealand u bil-kumpanija Hearnville fil-Panama qabel ma faqqgħu l-Panama Papers.

“Kont spjegajtlu r-raġunijiet qabel ma ħarġet il-midja u qabel ma ġara xejn minn dan,” insista l-eks Ministru Konrad Mizzi fix-xhieda tiegħu.

Filwaqt li insista li waqqaf din il-kumpanija għal raġunijiet familjari u ċaħad li fiha qatt saru tranżizzjonijiet, wisq inqas mill-familja Alijev tal-Ażebajġan, Konrad Mizzi insista mal-Maġistrat li “filwaqt li ma sar xejn illegali,” illum jifhem li ma jmissu qatt għamel li għamel.

“X’ħin rajt is-sentiment pubbliku fuqha, jiena għidt kont qed inwettaq, kont qed naħdem lejl u nhar biex nagħmel differenza f’dan il-pajjiż u ma ridtx nitlaq, ma ridt inħalli xejn li jista’ jimmina l-kredibilità futura tagħna, la tiegħi u lanqas tal-Gvern u għaldaqstant tlabt kumpanija indipendenti biex tagħmel audit u fl-aħħar iddeċidejt li nillikwida l-kumpanija,” saħaq Konrad Mizzi.

More in Politika