Filmat | Housing, pensjonanti u ħaddiema barranin ... Robert Abela jniedi l-kampanja

Robert Abela nieda l-kampanja tiegħu b'għadd ta' proposti li jimplimenta jekk ikun Prim Ministru

Il-kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista u eventwalment Prim Ministru, Robert Abela, nieda l-kampanja tiegħu bit-tema ‘Flimkien ‘il Quddiem.’

F’messaġġ irrekordjat, b’għadd ta’ persuni bilqiegħda warajh, Robert Abela insista li l-Prim Ministru l-ġdid irid ikompli jibni fuq is-suċċess tal-Gvern fl-aħħar seba’ snin.

Fil-fatt, aktar milli proposti għall-Partit Laburista, Robert Abela ressaq għadd ta’ proposti li jimplimenta jekk ikun Prim Ministru.

“L-għaqda tibqa’ l-qofol tas-suċċess tagħna,” saħaq Abela waqt li insista li l-ewwel prijorità tal-Prim Ministru l-ġdid għandha tkun li jara l-pajjiż jirritorna għat-trankwillità u s-serenità.

Fi kliemu, irid li jimplimenta “revoluzzjoni soċjali akbar minn dik li rajna sa issa” biex il-ġid jasal għand kulħadd.

Beda bil-housing u fakkar li din kienet wiegħda ewlenija fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista. 

Saħaq li huwa realtà li f’Malta hawn familji li mhux qed ilaħħqu mal-kera jew qed jgħixu f’akkomodazzjonijiet mhux daqstant addattata.

Fakkar li l-Gvern qed jibni 1,000 unit ġdid. 

“Iżda dawn in-nies jeħtieġu ċavetta mill-aktar fis,” saħaq Robert Abela. 

Għadda biex jitkellem fuq il-pensjonanti u ppropona li fuq perjodu ta’ ħames snin, il-mediċini kollha li jinxtraw mill-pensjonanti, jibdew jingħataw b’xejn. Saħaq li din hija miżura li se tiswa lill-Gvern €40miljun.

Tkellem dwar il-ħaddiema barranin u saħaq kif filwaqt li dawn qed jgħinu fis-suċċess ekonomiku, huwa fatt ukoll li qed iżommu l-pagi baxxi.

“Filwaqt li napprezzaw il-ħaddiema barranin,” u l-kontribut li dawn jagħtu lill-ekonomija, fl-istess waqt dan ma għandux iwaqqaf it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, insista Abela.

Se jkun qed jipproponi li l-impjegaturi ma jingħatawx il-permess li jimportaw ħaddiema barranin jekk l-impjegati tagħhom ma jkollhomx pagi xierqa.

Lanqas mhu se jingħataw il-permess jekk ma jħallsux lill-ħaddiema barranin permezz ta’ kont bankarju validu.

Mill-banda l-oħra, insista li lanqas mhu se jaċċetta li ħaddiema barranin jitħallsu inqas mill-kollegi tagħhom Maltin.

Dwar l-ambjent, Robert Abela wiegħed li fuq perjodu ta’ ħames snin, il-Gvern se jkun qed jiżra varjetà ta’ siġar madwar il-gżira.

Robert Abela u Chris Fearne huma l-kandidati għall-Mexxej Laburista. Il-votazzjoni se ssir nhar is-Sibt 11 ta’ Jannar, bil-voti jingħaddu l-għada, 12 ta’ Jannar.

More in Politika