Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech qallu li Keith Schembri 'jidħol fin-nar għalih'

Melvin Theuma jkompli jixhed fil-każ Kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech biex Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni

Melvin Theuma fil-Qorti
Melvin Theuma fil-Qorti

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ngħata l-maħfra Presidenzjali tenna fil-Qorti li Yorgen Fenech kien jaf informazzjoni sensittiva dwar l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Theuma kien qed jixhed fil-Każ Kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni għax qed jallega li kien hu li qed jgħaddi informazzjoni sensittiva lil Keith Schembri.

Mistoqsi kif kien qed ikollu din l-informazzjoni, Theuma qal li Fenech kien qallu li Schembri “jidħol fin-nar għalih.”

Tenna dak li qal fix-xhieda tiegħu, fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jiġifieri li Yorgen Fenech kien jaf meta l-Pulizija waslet għall-messaġġ li attiva l-bomba u anke meta kien se jsir ir-rejd f’Diċembru tal-2017 u li fih ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. 

Dwar il-laqgħat tiegħu ma’ Keith Schembri, Melvin Theuma qal li ltaqa’ miegħu darbtejn. Darba f’Kastilja meta kien offrut l-impjieg fantażma u darba oħra, ħafna qabel l-elezzjoni, f’razzett.

Dalgħodu, fix-xhieda tiegħu, Keith Schembri qal li ltaqa’ darba waħda biss ma’ Melvin Theuma, jiġifieri dakinhar li mar Kastilja.

L-Avukat Marion Camilleri staqsietu lil min kien għadda r-recordings tat-telefonati li kien għamel ma’ Yorgen Fenech. Qal li dawn għaddiehom lil Fenech innifsu u anke lill-Pulizija.

Mistoqsi jekk Keith Arnaud jissemmix f’dawn ir-recordings, Theuma wieġeb fin-negattiv.

Aqra wkoll:

More in Politika