L-MEPs Maltin jgħidu tagħhom waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar Malta

L-MEPs Nazzjonalisti insistew li Malta mhijiex 'il-ftit kriminali' li ħatfu l-Gvern waqt li dawk Laburisti faħħru l-investigazzjonijiet u l-liġijiet li implimenta l-Gvern ta' Joseph Muscat

L-Ewroparlamentari Maltin kollha tkellmu waqt id-dibattitu li sar dalgħodu fil-Parlament Ewropew dwar l-aħħar żviluppi f'Malta b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista sejħu għar-riżenja immedjata tal-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li t-tnejn li huma saħqu li Malta mhijiex 'il-ftit kriminali' li ħatfu l-Gvern waqt li insistew li l-Maltin iridu l-ġustizzja u qed iqumu biex jiddefendu l-valuri li jemmnu fihom.

Min-naħa tagħhom, l-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista faħħru l-fatt li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia waslet biex tkun konkluża u li Malta qed timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li sarulha, fosthom mill-Kummissjoni Venezja.

Apparti minn hekk, filwaqt li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti talbu għall-appoġġ min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropew, dawk Laburisti appellaw biex ma jitteħdux l-ebda deċiżjonijiet li jistgħu jippreġudikaw il-perjodu ta' tranżizzjoni li minnha għaddejja Malta.

L-MEPs Soċjalisti, inkluż dawk Maltin, kienu kkritikati għall-fatt li ma sejħux għar-riżenja ta' Joseph Muscat, iżda dawn, fosthom l-MEPs Laburisti rribattew u saħqu li l-Parlament Ewropew, b'mod partikolari l-Partit Popolari Ewropew għandu jiddiskuti bl-istess enerġija li biha tkun diskussa Malta, dak li jseħħ f'pajjiżi oħra, inkluż l-Ungerija.

Ara hawn dak li qalu l-MEPs Maltin (fl-ordni li fiha tkellmu fil-Parlament Ewropew):

Roberta Metsola
Roberta Metsola

Roberta Metsola: Muscat u sħabu intimidaw lil dawk li kkritikawhom

L-Ewroparlamentari Maltija Roberta Metsola kkritikat lill-Prim Ministru u lil dawk ta' madwaru li użaw fondi pubbliċi biex fl-aħħar snin, fi kliemha, intimidaw lil dawk li kkritikawhom.

Hija saħqet li Muscat għadu qed jipprova jżomm mal-poter u ħeġġitu biex jirriżenja immedjatament biex ikun assigurat li s-seħħ il-ġustizzja u toħroġ il-verità kollha.

Insistiet li l-Maltin mhumiex kollha bħal Joseph Muscat u "l-kriminali" l-oħra ta' madwaru. Insitiet li meta d-dinja tħares lejn Malta għandha tara dak li verament hi, jiġifieri poplu li qam biex jiddefendi dak li jemmen fih.

Appellat biex dak li għaddej f'Malta jwassal għal bidla mhux f'Malta biss, iżda saħqet li għandu jkun hemm mekkaniżmu dwar is-Saltna tad-Diritt li jħares lejn is-sitwazzjoni f'kull Stat Membru.

Miriam Dalli
Miriam Dalli

Miriam Dalli: Tappella lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax il-perjodu ta' tranżizzjoni f'Malta

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli saħqet li hi dejjem emmnet li l-ġustizzja f'dan il-każ u oħrajn għandha dejjem issir u tidher li qed issir.

"Ħadd ma hu 'l fuq mil-liġi," saħqet Miriam Dalli waqt li appellat biex kull allegazzjoni ta' korruzzjoni tkun investigata, seħħet meta seħħet. Fil-fatt, fakkret li għaddejin ħames inkjesti maġisterjali.

Dalli fakkret li Malta bħalissa għaddejja minn perjodu ta' tranżizzjoni u appellat lill-Parlament Ewropew biex ma jippreġudikax dan il-proċess.

Kien hawn li Ewroparlamentari staqsa lil Dalli jekk jinwetahiex il-fatt li kien hemm min iddeskriva l-protesti li qed isiru f'Malta bħala "provokazzjoni," b'referenza indiretta għal dak li qal Robert Abela, kandidat għall-Mexxej tal-Partit Laburista.

Miriam Dalli saħqet li hi dejjem kienet savur protesti li jsiru b'mod paċifiku. Fakkret li kien hemm diversi protesti, inkluż f'Kastilja stess u għalhekk insistiet li l-protesti qed jitħallew isiru.

Alex Agius Saliba: 'Mhux se naċċetta li minħabba l-aġir ta' ftit Malta tkun deskritta pajjiż mafjuż'

L-Ewroparlamentari Malti Alex Agius Saliba saħaq li huwa kburi li hu Malti u li mhux se jaċċetta li minħabba l-aġir ta' ftit, Malta tkun deskritta l-pajjiż mafjuż.

Huwa faħħar ix-xogħol li wettqet il-Pulizija u insista li dan kien ikkonfermat ukoll mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li ġiet Malta.

Kien għalhekk li saħaq li r-reżoluzzjoni li qed tkun diskussa llum mhijiex ġusta. Filwaqt li saħaq li l-ebda pajjiż ma hu perfett u li anke f'Malta hemm titjieb xi jsir, insista li l-awtoritajiet Maltin qed jaħdmu biex jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet li sarulha.

Mistoqsi minn Ewroparlamentari tal-Partit Popolari Ewropew kif jista' jkun kburi meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed ikun implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Agius Saliba insista miegħu li qed jiskanta kif il-Partit Popolari Ewropew poġġa l-enerġija kollha tiegħu biex jiddiskuti lil Malta iżda ma għamilx l-istess meta l-Parlament iddiskuta s-sitwazzjoni f'pajjiżi oħra, inkluż l-Ungerija.

David Casa: 'Qatt ma ħassejtni daqhekk mistħi mill-fallimenti tal-Gvern Malti'

L-Ewroparlamentari David Casa beda l-intervent tiegħu billi talab apoloġija għall-fallimenti tal-Gvern Malti u l-insistenza tiegħu li jkompli jwettaq dan sal-lum. 

Fi kliemu, qatt ma ħassu daqshekk mistħi mill-Gvern Malti, mill-klikka "kriminali" li fi kliemu ħatfet il-Gvern u mill-istitituzzjonijiet li mhux jagħmlu xogħolhom.

"Iżda kollegi, din mhijiex Malta. Dawn il-ftit kriminali mhumiex Malta. Malta vera tinsab fit-toroq tipprotesta kuljum," insista Casa. "Filwaqt li l-Gvern Malta ġiegħlna nistħu, il-Maltin jagħmluna kburin."

Huwa appella biex l-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni. "Irridu li l-Kunsill u l-Kummissjoni biex jagħmlu xogħolhom, u li jagħmlu dan għall-poplu Malti," insista Casa.

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar

Josianne Cutajar: 'Jiena wkoll ixxukkjata ... il-Maltin irridu ġustizzja'

L-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar insistiet li bħall-bqija tal-Maltin, anke hi trid li ssir ġustizzja.

Filwaqt li faħħret il-progress li sar fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, faħħret ix-xogħol li wettqet il-Pulizija anke bl-għajnuna tal-Europol.

Bħall-kollegi tagħha, anke Cutajar fakkret li Malta qed taħdem biex tirriforma l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet mhux se jiefqu sakemm tkun konkluża r-riforma Kostituzzjonali.

Simili għal dak li qalet Miriam Dalli, anke Cutajar insistiet li azzjoni kontra Malta bħalissa tista' tippreġudika dawn il-bidliet.

Alfred Sant
Alfred Sant

Alfred Sant: Malta se jkollha Gvern ġdid li se jbiddel "l-iżbalji radikali" li saru fil-passat

L-Ewroparlamentari Alfred Sant saħaq li l-fatt li Malta qed tiffaċċja sfidi ta’ governanza huwa ċar. Fi kliemu saru żbalji fl-ogħla livelli u llum dawk li ħaduhom qed iħallsu l-prezz.

Madanakollu insista li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien investigat u llum wasal biex inkun solvut.

Dwar ir-reżoluzzjoni li dwarha se jkun qed jittieħed il-vot għada, Alfred Sant saħaq li qed tpinġi iswed dak kollu li huwa marbut ma’ Malta inkluż il-kisbiet ekonomiċi li kisbet.

Fakkar li x-xahar id-dieħel, Malta se jkollha Gvern ġdid kommess li jbiddel “l-iżbalji radikali” li saru fil-passat.

Insista li l-Gvern ġdid se jassigura s-separazzjoni tal-poteri, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li ssir ġustizzja fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Appella, bħall-kollegi sħabu, biex ma tittieħed l-ebda azzjoni prematura li tista’ tippreġudika din it-tranżizzjoni li qed issir f’Malta.

More in Politika